Il-Partit Laburista Ingliż irid lill-Gvern Ingliż ta’ Theresa May jitlob investigazzjoni serja dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-appell sar mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Tom Watson f’ittra li bagħat lis-Segretarju tal-Istat Ingliż għall-Affarijiet Barranin Boris Johnson, li fiha talbu biex jappella lill-Gvern Malti biex issir investigazzjoni serja u li l-investigazzjoni ssir minn persuni li ma kienux is-suġġett ta’ xi investigazzjoni minn Daphne Caruana Galizia.
“Attakki fuq il-ġurnalisti f’kwalunkwe post fid-dinja iħallu effett fuq id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni,” kiteb Tom Watson. “Investigazzjonijiet bħal dawk li għamlet Daphne Caruana Galizia jgħinu biex jikxfu dak li nies b’saħħithom jippreferu li jħallu mistur, u għalhekk, huwa importanti li bħala politiċi demokratiċi, niddefenduhom,” żied jgħid.
Tom Watson, li hu x-Shadow Minister għall-Media, temm jappella lil Boris Johnson biex jikteb lill-Gvern Malti u jappella għal investigazzjoni serja dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>