Irwiefen u qawwiet tax-xita qawwija komplew jassedjaw bnadi tal-Ingilterra u l-Iskozja, meta r-Renju Unit baqa’ affettwat mill-aħħar elementi tal-Uragan Ophelia.
L-iskejjel kollha fl-Irlanda ta’ Fuq u fir-Repubblika Irlandiża, intant, baqgħu magħluqin għat-tieni jum konsekuttiv fost ix-xogħol tat-tindif massiċċ.
Fl-istess ħin, madwar 245,000 resident tal-Irlanda kienu jinsabu mingħajr provista tal-elettriku, waqt li 3,800 dar spiċċaw mingħajr dawl fl-Irlanda ta’ Fuq. Intant, mal-4,000 residenzi oħra ukoll spiċċaw mingħajr elettriku fin-naħa ta’ fuq ta’ Wales.
Il-maltemp minn Ophelia, nhar it-Tnejn, qatel tal-anqas tliet persuni fir-Repubblika tal-Irlanda.
Il-Met Office, fl-aħħar sigħat, ħareġ twissija għal kawtela speċjali effettiv għaċ-ċentru u n-Nofsinhar tal-Iskozja, bit-twissja tgħodd ukoll għat-Tramuntana tal-Ingilterra. Ħarġet anki twissija rigward ‘il-kaos potenzjali’ għall-ħinijiet tar-rush hour.
L-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent fl-Iskozja, sadattant, iċċirkulat twissijiet dwar għargħar mistenni għaz-zoni li jmissu mal-kosta tal-Punent.
Fl-Ingilterra, kien hemm flood warning effettiv għal Dorset, flimkien ma’ messaġġi ta’ allert għall-artijiet tal-Lbiċ u l-Majjistral.
Dan waqt li l-maltemp ħoloq l-intoppi għas-servizzi bil-ferrovija fit-Tramuntana tal-Ingilterra – b’mod partikulari għall-Interchange bejn Halifax u Bradford. Is-sitwazzjoni kienet dovuta l-aktar għas-siġar li tqaċċtu mill-għeruq b’effett tal-maltemp.
//= $special ?>

