Internazzjonali

Jieħdu kontroll sħiħ f’Raqqa wara snin ta’ okkupazzjoni mill-ISIS

 

Alleanza ta’ qawwiet Sirjani Kurdi u Għarab ħabbret b’mod uffiċjali li ħadet kontroll sħiħ fil-belt ta’ Raqqa – sa ftit ilu fortizza ewlenija u l-kapitali tal-‘Kalifat’ tal-ISIS fis-Sirja.

Il-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja huma appoġġjati mill-Istati Uniti u l-kelliema tagħhom qalu li ‘l-kumbattimenti, issa, huma konklużi’ wara assalt ta’ erba’ xhur fuq it-terroristi fl-inħawi ta’ Raqqa.

Aktar kmieni, il-qawwiet kienu għaddejjin b’kampanja ta’ tindif ta’ landmines u splussivi oħra fiz-zona. Intant, ma kienx eskluż li għad jinstabu ‘xi ġellieda fanatiċi tal-ISIS li deċidew biex jirreżistu sal-mewt.’

Il-liberazzjoni ta’ Raqqa kienet possibbli wara kampanja militari twila u okkupazzjoni (tal-belt) mill-ISIS li damet għal tliet snin sħaħ.

Qabel id-dikjarazzjoni, il-qawwiet anti-ISIS kienu keċċew lill-ISIS mill-aħħar pożizzjonijiet ewlenin f’Raqqa, fosthom l-istadium muniċipali u l-isptar nazzjonali. Dan fost iċ-ċelebrazzjonijiet tan-nies fit-toroq wara daqstant xhur ta’ terrur taħt l-okkupazzjoni tal-ISIS.

L-indikazzjonijiet huma li għexieren ta’ fanatiċi barranin mal-ISIS kienu ħadu sehem ‘fl-aħħar battalja’ fl-istadium ta’ Raqqa, fost rapporti li nqatlu numru sostanzjali ta’ terroristi waqt l-assalt finali tal-qawwiet Sirjani Kurdi u Għarab fuq l-isptar tal-belt.

Proprju sa nhar il-Ħadd, kien hemm indikazzjonijiet li sa 300 militant tal-ISIS kienu għadhom qed jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom f’Raqqa wara li numru minn sħabhom armati, flimkien ma’ qrabathom, spiċċaw evakwati bħala parti minn ftehim innegozjat.

Intant, l-aħħar messaġġ kien li ‘il-ġlied kien spiċċa u li l-qawwiet Sirjani Kurdi u Għarab jinsabu f’kontroll assolut ta’ Raqqa’.

L-ISIS kien ħataf il-belt ta’ Raqqa fl-ewwel xhur tal-2014 u ddikjarah bħala l-kwartieri-ġenerali tal-hekk-imsejjaħ ‘Kalifat ġdid’. Fiż-żmien li damu hemm, l-ISIS implimentaw l-interpretazzjoni estremista tal-liġi Iżlamika ta’ Xaraja, waqt li r-residenti li opponewhom kienu suġġetti għal metodi brutali u terrur kbir, fejn numru kbir minnhom inqatlu waqt esekuzzjonijiet fuq stil primittiv.

Raqqa kienet saret ‘id-dar’ għal eluf ta’ ġiħadisti minn madwar id-dinja li wieġbu għas-sejħa tal-Kap tal-ISIS, Abu Bakr al-Baghdadi, biex huma ‘jemigraw għal hemmhekk’.