Qawwiet tal-Gvern Iraqi ħatfu kontroll tal-akbar żewġ zoni għall-produzzjoni taż-żejt qrib il-belt ta’ Kirkuk, wara li l-qawwiet tal-Kurdi telqu mit-territorju. Skont l-aħħar żviluppi, numru ta’ dawn iz-zoni li huma importanti ħafna għall-ekonomija tal-Kurdi, qegħdin jaqgħu f’idejn il-militar Iraqi, waqt azzjonijiet li ilhom għaddejjin mit-Tnejn.
Is-suldati tal-Gvern Iraqi assumew il-kontroll fuq diversi siti, fosthom il-belt ta’ Kirkuk, wara li r-referendum tal-Kurdi għall-indipendenza kien iddikjarat ‘illeġittmu’ mill-Gvern ċentrali f’Bagdad. L-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet tal-Kurdi telqu wkoll minn zona qrib il-fruntiera mal-Iran, meta t-truppi Iraqqin qed jidhru lesti wkoll biex jieħdu l-inħawi ta’ Khanaqin, li jinkorporaw zona oħra għall-produzzjoni taz-zejt.
Il-kriżi żvolġiet ftit ġimgħat wara li l-votanti fir-reġjun awtonomu tal-Kurdi u z-zoni kontrollati mill-Kurdi (inkluż Kirkuk) appoġġjaw bis-sħiħ l-impenn biex ‘jinqatgħu mill-Iraq’. Filwaqt li l-Prim Ministru Iraqi Haider al-Abadi kundanna l-vot bħala anti-Kostituzzjonali, il-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan insista li r-referendum hu wieħed leġittimu.
Il-provinċja ta’ Kirkuk hi sinjura fiż-żejt u tinsab ‘il hinn mir-reġjun uffiċjali tal-Kurdistan. Intant, il-Kurdi u daqstant ieħor il-Gvern ċentrali qegħdin jinsistu bil-jeddijiet fuq il-provinċja — bil-qawwiet Iraqqin, issa, jieħdu f’idejhom iz-zoni ta’ Bai Hassan u Avana ( lejn it-Tramuntana ta’ Kirkuk) li jitmexxew mill-Kumpannija taż-Żejt tal-Istat. Aktar qabel, it-truppi Iraqqin kienu ħatfu numru ta’ bażijiet militari u issa qed jirritornaw id-dar eluf ta’ ċivili li, aktar qabel, kienu ħarbu mill-inħawi ta’ Kirkuk.
Il-Gvern Iraqi qed jgħid li l-kampanja militari f’Kirkuk hi neċessarja biex tħares l-għaqda fl-Iraq minħabba ‘il-periklu tar-referendum tal-Kurdi’. Intant, l-Istati Uniti tinsab ferm imħassba dwar ir-rapporti ta’ vjolenza madwar Kirkuk u qed tħeġġeġ għall-kalma.
//= $special ?>

