Internazzjonali

Luttu għall-vittmi tan-nirien fil-Portugall

 

Il-Portugall iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali  għall-vittmi tas-sensiela ta’ nirien li, fl-aħħar ġranet, infirxu b’mod inkontrollabbli madwar il-pajjiż.

Dan meta mietu tal-anqas 36 persuna fil-mijiet tan-nirien li avvanzaw tul iz-zoni taċ-ċentru u t-Tramuntana tal-Portugall, bejn nhar il-Ħadd u t-Tnejn. In-nirien kienu xprunati mill-irwiefen tal-Uragan Ophelia fir-reġjun tal-Atlantiku u tant infirxu malajr li ħafna residenti tal-inħawi mġarrbin ma kellhomx iż-żmien għal reazzjoni. Fil-fatt, għad hemm il-persuni rappurtati nieqsa fi bnadi tal-pajjiż.

L-inċidenza hekk ‘qawwija’ tan-nirien wasslet biex il-Portugall jiddikjara stat ta’ emerġenza qalb iz-zoni lejn it-Tramuntana tax-Xmara Tagus, bl-artijiet li kienu taħt l-emerġenza jagħmlu tajjeb għal kważi nofs it-territorju Portugiż.

Il-Prim Ministru tal-Portugall, Antonio Costa, ħareġ stqarrija fejn esprima niket kbir għall-vittmi u qrabathom u fejn irrefera għall-‘akbar mewġa ta’ nirien li pajjiżu qatt għadda minnha mill-2006 ’il hawn’.

Costa qal ukoll li l-Kabinett f’Lisbona għandu jiltaqa’ nhar is-Sibt biex jaddotta r-rakkomandazzjonijiet ta’ rapport dwar il-prevenzjoni tan-nirien li kien ikkummissjonat wara nirien oħra li qabdu f’Ġunju f’dan il-pajjiż u li kienu swew il-ħajja ta’ 64 persuna.

Filwaqt li x-xita li niżlet fil-lejl ta’ nhar it-Tnejn u nhar it-Tlieta għenet lill-iskwadri għall-emerġenza Portugiżi biex jikkontrollaw aħjar is-sitwazzjoni, fl-aħħar sigħat kienu għadhom qed jaqbdu numru ta’ nirien fi bnadi rispettivi.