Se jkun il-Maġistrat Anthony Vella li se jkun qed ikompli l-inkjesta dwar il-qtil tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Aktar kmieni l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera laqgħet ir-rikors imressaq mill-familja Caruana Galizia biex ma tkunx hi l-maġistrat li tmexxi l-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fil-Qorti llum, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera talbet lill-Prim Imħallef biex isib Maġistrat ieħor minflokha.
It-Tnejn filgħaxija, il-familja tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia ppreżentat rikors fejn talbet lill-Qorti biex tinbidel il-maġistrat Consuelo Scerri Herrera li qed tmexxi l-inkjesta dwar il-qtil permezz ta’ karozza bomba.
Ir-rikors iffirmat mill-avukati Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Therese Commodini Cachia, il-familja Caruana Galizia qed titlob biex tinbidel il-maġistrat minħabba li kienet suġġett għall-kritika tal-istess ġurnalista u minħabba li nbdew proċeduri fil-Qorti mill-istess maġistrat fil-konfront tal-ġurnalista, u għalhekk hemm kunflitt ta’ interess.
Il-familja Caruana Galizia ddikjarat li ma għandhom l-ebda fiduċja fil-maġistrat li tista’ twettaq xogħolha b’imparzjalitá u serjetá u għalhekk qed jitolbu biex jinbidel il-maġistrat inkwerenti.
Preżenti fil-Qorti it-Tnejn filgħaxija, ftit sigħat wara li seħħ l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, dehru deħlin il-Qorti wkoll il-Kummisarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Ministru Chris Cardona – fejn dan tal-aħħar kellu proċeduri l-Qorti għaddejjin kontra l-ġurnalista li kienet vittma tal-qtil politiku.
//= $special ?>