Fi Spanja saru numru ta’ dimostrazzjonijiet ta’ protesta wara li Imħallef tefa’ l-ħabs lil żewġ membri ewlenin tal-moviment għall-indipendenza Katalana.
Jordi Sanchez u Jordi Cuixart, li jmexxu gruppi prominenti ta’ separatisti, kienu qed jinżammu mingħajr rikors għal-libertà proviżorja u fejn qed ikunu investigati b’konnessjoni ma’ allegazzjonijiet li huma inċitaw lill-poplu biex iqum kontra l-Istat.
Sanchez u Cuixart kienu prominenti waqt ir-referendum tal-Ewwel ta’ Ottubru għall-indipendenza ta’ Katalonja minn Spanja u meta l-Gvern tal-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, fisser il-vot bħala illegali.
Intant, il-protesti dwar it-trattament taż-żewġ separatisti bdew f’Barċellona u nfirxu madwar ir-reġjun. Dan wara li Sanchez, li jmexxi lill-Assemblea Katalana Nazzjonali ( entità favur l-indipendenza) u Cuixart, il-Kap tal-Omnium Cultural, dehru quddiem il-Qorti Għolja f’Madrid. Huma qed ikunu investigati dwar protesta, fl-20 ta’ Settembru, fejn folla ‘imblukkat’ lill-uffiċjali tal-Gwardja Ċivili ġewwa bini fil-belt ta’ Barċellona.
Sadanittant, il-Mexxej ta’ Katalonja, Carles Puidgemont, ikkritika lill-Gvern Spanjol wara l-aħbar dwar Sanchez u Cuixart waqt li sostna li ‘illum, sfortunatament, Spanja għandha mill-ġdid il-priġunieri politiċi’. Hu qal dan meta s-sostenituri tal-indipendenza għall-Katalonja ħeġġew għal aktar protesti ‘sakemm jinħelsu Sanchez u Cuixart.’
Carles Puigdemont, wara r-referendum, kien iffirma dikjarazzjoni għall-indipendenza Katalana iżda waqqaf l-implimentazzjoni tagħha biex jippermetti għal negozjati. Hu sejjaħ biex isiru taħditiet fix-xahrejn li ġejjin, iżda l-Gvern Spanjol wissa li Katalonja għandha tirtira d-dikjarazzjoni inkella tiffaċċja amministrazzjoni diretta minn Madrid.
Il-Gvern Spanjol hu wkoll irrabjat wara li Puigdemont irrifjuta li jiċċara jekk hu ‘iddikjarax l-indipendenza jew le’ u l-Kap Katalan għandu sal-Ħamis biex jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu.
//= $special ?>

