Lokali

AĠĠORNATA: Mara fil-periklu tal-mewt u ħames irġiel midruba f’inċident fiż-Żejtun

Ġermaniża ta’ 51 sena sofriet ġrieħi gravi u jidher li tinsab fil-periklu tal-mewt waqt li ħames persuni oħra sofrew xi ġrieħi f’inċident li seħħ fi Triq Anton Buttigieg, fiż-Żejtun, li tagħti għal Bir id-Deheb.

Jirriżulta li fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tas-12:40, il-mara kienet passiġġiera fil-vettura tat-tip Hyundai 10 li kienet misjuqa minn Ġermaniż ta’ 58 sena.

Għal xi raġuni seħħ impatt head on ma’ vettura oħra, tat-tip Volkswagen Passat, li kienet misjuqa minn Sirjan ta’ 21 sena li miegħu kien hemm ukoll tliet irġiel barranin oħra.

Fuq il-post issejħu numru ta’ ambulanzi kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija, minbarra uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili hekk kif kien hemm bżonn li jitqattgħu partijiet minn vettura minħabba li l-mara kienet maqbuda fil-vettura.

Bl-impatt, il-vettura tagħha spiċċat f’għalqa fil-ġenb tat-triq. Kemm il-mara u s-sewwieq sofrew ġrieħi gravi. Is-sewwieq tal-Volkswgen u l-passiġġieri li kellu miegħu sofrew biss ġrieħi ħfief.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Audrey Demicoli u għal ħin twil din it-triq inżammet magħluqa għat-traffiku. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

L-inċident seħħ fl-istess żona fejn tmien snin ilu kienu tilfu ħajjithom omm, missier u binhom f’inċident tat-traffiku.