Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet kawża miftuħa minn Anna Zelbst, l-eks sieħba tal-eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud fejn talbet iħallas €6,000 li kien allegatament intrabat li jgħaddilha sakemm uliedhom ikunu għadhom jgħixu magħha.
Alfred Mifsud u Anna Zelbst kienu f’relazzjoni sa mill-1993 u li minn din ir-relazzjoni twieldu żewġt ulied li llum għandhom 21 u 18-il sena u għaldaqstant huma maġġorenni. Bħalissa, it-tnejn li huma għadhom studenti full-time. Ir-relazzjoni bejn il-koppja intemmet fil-bidu tal-2016.
Mifsud kien qed jgħaddi €3,000 fix-xahar lil Zelbst għall-bżonnijiet taż-żewġ ulied, liema ammont waqaf f’Mejju tal-2016 fl-isfond ta’ problemi bejniethom.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, irreferiet għax-xhieda tal-partijiet fejn intqal li wara li twaqqaf dan il-ħlas, Zelbst talbet assigurazzjoni bil-miktub mingħand Mifsud li se jibqa’ jgħin finanzjarjament sakemm l-ulied ikunu għadhom qed jgħixu magħha.
Alfred Mifsud għamel dan permezz ta’ skrittura iżda mix-xhieda ta’ Zelbst kif ukoll ta’ uliedhom, Mifsud irritorna fl-appartament fejn kienu qed jgħixu sakemm kienet imsiefra u allegatament ħa xi dokumenti, fosthom din il-kitba. Dwar dan, Zelbst għamlet rapport mal-Pulizija li qed jiġi investigat fi proċeduri separati. Madanakollu, Anna Zelbst kienet bagħtet kopja tad-dokument lill-Avukat tagħha u dan kien esibit fil-Qorti.
Din l-istorja ingħatat ukoll prominenza pubblika wara li kienet ippubblikata fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia fiż-żmien meta Alfred Mifsud kien se jkun nominat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u dwaru hemm każ ta’ libell quddiem Qorti oħra. Dan wara li ġie allegat li Mifsud ixxaħħam sabiex jinbidel is-software tal-Mid Med Bank meta kien Chairman tal-istess bank bejn l-1996 u l-1998. Fid-dawl ta’ dan, Alfred Mifsud irtira għal kollox mill-wegħdiet li għamel lil Zelbst.
Fis-sentenza tagħha il-Qorti qalet li l-kawża li hemm quddiemha ma kienitx talba biex jiġi iffissat manteniment iżda obbligazzjoni ta’ kreditu, li skont Zelbst, torbot lil Alfred Mifsud bis-saħħa tad-dokument li kien bagħat f’Ġunju tal-2016.
Madanakollu, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Zelbst għaliex id-dokument la huwa kuntratt u lanqas ma hu skrittura privata iżda sempliċiment wegħda. Il-liġi ssemmi tliet xenarji fejn wegħda torbot lil min jagħmilha u dan il-każ partikolari ma jinkwadra taħt l-ebda minnhom.
Għaldaqstant, il-Maġistrat Farrugia Frendo ikkonkludiet li d-dokument ma’ jorbotx lil Alfred Mifsud iħallas €3,000 fix-xahar lil Anna Zelbst u konsegwentement ċaħdet it-talba.
L-Avukat Albert Libreri deher għal Zelbst filwaqt li l-Avukati Pawlu Lia u Phyllis Aquilina dehru għal Alfred Mifsud.
//= $special ?>