Lokali

FILMAT: “Il-Prim Ministru ma jridx li tintrefa’ r-responsabbiltà politika” – Adrian Delia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li mhi se tintrefa’ l-ebda responsabbiltà politika għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt kumment​ fi tmiem ir-risposta tal-Prim Ministru għad-diskors tal-Budget.

Adrian Delia qal li d-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat jagħti raġun lill-Oppożizzjoni meta tgħid li f’pajjiżna mhux qed ngħixu n-normalità. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din hija l-ewwel darba fl-istorja tagħna li nqatlet ġurnalista u li f’dawn iċ-ċirkostanzi id-diskussjoni dwar il-Budget hija għal kollox irrelevanti. Madankollu, kompla Adrian Delia, il-Prim Ministru ma qal xejn dwar ir-rimedji politiċi għal dan kollu.

Adrian Delia qal li r-responsabbiltà politika ta’ din it-traġedja fl-aħħar mill-aħħar taqa’ għand il-Prim Ministru, għaliex dan għandu r-responsabbiltà li s-saltna tad-dritt titħares f’pajjiżna. Minflok, tenna il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Gvern nawwar l-istituzjonijiet f’pajjiżna.

Il-proċess ġudizzjarju issa għandu l-kompitu li jara li tintrefa’ r-responsabbiltà kriminali, qal Adrian Delia, iżda huwa l-Prim Ministru li jrid jiżgura li r-responsabbiltà politika tintrefa’ wkoll. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ma qal xejn dwar x’se jagħmel dwar dan kollu.

Għall-kuntrarju, kompla Adrian Delia, Muscat tkellem daqs li kieku l-vittma f’dan kollu kien huwa stess. Il-vera vittma llum hija Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha, żied jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa qal li l-vittma llum hija d-demokrazija f’Malta u d-dritt tal-espressjoni ħielsa.

L-Oppożizzjoni faħħret lill-Pulizja meta għamlu xogħolhom, qal Adrian Delia, iżda l-Prim Ministru naqas milli jgħid x’se jagħmel issa biex jagħti komfort lin-nies u jerġa’ jkollhom fiduċja fil-Korp kif tant jixraqlu. Bl-istess mod, kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni, in-nies iridu Avukat Ġenerali li jħarishom b’dinjità u qal li dan għandu jgawdi l-fiduċja taż-żewġ terzi tal-Kamra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Joseph Muscat għażel li jrendi d-diskussjoni f’waħda partiġġjana minflok tkellem bis-serjetà u l-maturità li titlob is-sitwazzjoni bħalissa. Huwa sostna li jeħtieġ li mhux biss jinqabad il-mandant ta’ dan il-qtil iżda wkoll li tintrefa’ r-responsabbiltà politika.