Fi stqarrija ndirizzata waqt il-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew f’Brussel, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN u MEP David Casa wera t-tħassib serju għal dak li qed jiġri f’Malta bl-assasinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista investigattiva.
Huwa spejga kif Caruana Galizia kienet magħrufa internazzjonalment għall-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni u kif rikbet il-biżgħat bil-kuraġġ li tikxef veritajiet ħarxa. Kienet il-ġurnalista li rrapurtat l-iskandlu tal-Panama Papers, liema skandlu jimplika direttament lill-Gvern Malti u l-Prim Ministru Joseph Muscat f’allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus flimkien mat-tmexxija dittatorjali Ażerbajġana.
Evidentement, Caruana Galizia kienet suġġetta għal theddid fuq ħajjitha snin twal, u għarrfet lil kulħadd b’dan. Minkejja dan, huwa qal li ma ngħatat l-ebda protezzjoni u ma sar xejn. Dan hu bla preċedent fl-istorja ta’ Malta u huwa riżultat tal-kollass tas-saltna tad-dritt.
Casa ssokta jgħid li tul dawn l-4 snin, l-istituzzjonijiiet iddgħajfu u nqerdu għal kollox, b’nies validi u ta’ esperjenza mneħħija biex ħadu posthom nies b’simpatija lejn il-Gvern Laburista u qrib il-Prim Ministru. B’hekk iddgħajfu wkoll il-korp tal-Pulizija u l-qrati tal-ġustizzja f’livelli mill-iktar baxxi f’Malta.
Spjega kif il-PPE jeħtieġ jitlob lill-Kummissjoni Ewropea turi it-tħassib serju l-kollass ovvju tas-saltna tad-dritt u tibda investigazzjonijiet fuq is-saltna tad-dritt f’Malta. Jeħtieġ jittieħdu azzjonijiet drastiċi hekk kif it-traġedja tat-Tnejn laħqet kull limitu.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN temm l-istqarrija billi rrimarka kif huwa ċar daqs il-kristall li din is-sitwazzjoni setgħet ġiet evitata li kieku l-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni meta kienet mgħarrfa fuq it-tħassib rigward l-istat tas-saltna tad-dritt ftit xhur ilu.
Tul din il-laqgħa nżammet minuta silenzju bħala tislima għall-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>