Internazzjonali

Ħidma kontra l-Hells Angels fil-Ġermanja

Aktar minn 700 uffiċjal tal-Pulizija ħadu sehem f’ħidma fl-inħawi ta’ Duesseldorf kontra l-fergħa lokali tal-grupp tas-sewwieqa tal-muturi, “Hells Angels”. Dan wara li l-awtoritajiet ipprojbixxew lill-grupp minħabba suspetti li l-membri kienu mdaħħlin f’sensiela ta’ atti kriminali.
B’kollox saru rejds f’50 binja f’16-il lokalità differenti, fl-istat Ġermaniż ta’ Nord Rhine-Westphalia.
Il-Ministeru tal-Intern tan-Nord Rhine-Westphalia qal li l-fergħa tal-“Hells Angels” kienet bażata f’Erkrath u fost l-oħrajn kien suspettat li hu mdaħħal fit-traffikar tal-armi, droga u prostituzzjoni.
F’xi wħud mir-rejds ħadu sehem pulizija ta’ taqsimiet speċjali armati sa snienhom bħala prekawzjoni. Iżda f’ebda wieħed mir-rejds ma kien hemm inċidenti vjolenti. Ir-rejds saru aktar biex isaħħu d-deċiżjoni tal-awtoritajiet lokali li l-grupp ikun ipprojbit.