Lokali

“L-Oppożizzjoni se tibqa’ titkellem dwar kif se nġibu n-normalità lura f’pajjiżna” – Adrian Delia

Meta mil-lum il-Parlament se jibda jiddiskuti l-proposti tal-Budget, id-diskorsi tal-Oppożizzjoni se jkunu qed jiffukaw fuq il-Gvern għandu jġib in-normalità lura f’pajjiżna wara li l-poplu Malti jinsab ixxukkjat wara l-qtil politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ħabbar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta kien qed ikun intervistat fuq NET TV mill-ġurnalist Sergio Mallia.

Mistoqsi dwar għalfejn iqis id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia bħala qtil politiku, Adrian Delia qal li wieħed irid jagħmel differenza bejn responsabilità kriminali meta l-mandat jinqabad u jħallas il-prezz u r-responsabilità politika ta’ x’wassal biex pajjiżna wasal sa hawn.

Hu fakkar li f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern Laburista ħa deċiżjoni wara l-oħra biex jiddgħajfu l-istutuzzjonijiet f’pajjiżna fost l-oħrajn fil-Korp tal-Pulizja fejn f’ħames snin inbidlu ħames Kummissarji tal-Pulizija.

Adrian Delia fakkar li f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern ra li jdaħħal idejh f’numru ta’ istutuzzjonijiet biex nies bħall-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jitilfu l-awtonomija u l-indipendenza tagħhom.

“Quddiem dan kollu, ir-responsabilità politika hija tal-Prim Ministru” sostna Adrian Delia.

Parti mir-responsabilità politika hija wkoll fid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ammetta li pajjiżna ma kellux il-ħila teknika li jinvestiga każ ta’ karozza bomba – dan meta pajjiżna esperjenza madwar ħames każi ta’ karozza bomba f’dawn l-aħħar snin. Il-Prim Minsitru għandu wkoll jerfa’ r-tesponsabilità politika għall-fatt li l-Istat ma pproteġiex lil persuna li evidentament kienet fil-periklu.

“Għall-kuntarju fid-dibattitu fil-Parlament Joseph Muscat ta x’jifhem li huwa l-vittma f’dan kollu” sostna Adrian Delia.

Joseph Muscat baqa’ ma weġibx min se jerfa’ r-responsabilità politika u lanqas wera x’se jkun qed jagħmel biex jagħti lura l-fiduċja lill-istituzzjonijiet, kompla Adrian Delia.

“Matul l-aħħar snin kollox sar għandu prezz iżda s-silenzju spiċċa inxtara bl-ogħla prezz – bil-mewt” saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Quddiem dan kollu, saħaq Adrian Delia, l-Oppożizzjoni, filwaqt li turi solidarjetà mal-familjari ta’ Daphne Caruana Galizia, se tkompli tinsisti li tintrefa’ r-responsabilità politika u li jkunu mħarsa l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna sabiex pajjiżna jerġa’ jsir pajjiż normali.