Internazzjonali

Iwissu li tista’ tiplodi gwerra nukleari minn ħin għal ieħor

Ajrupaln Amerikani tat-tip F-35B Lightning II fil-Marine Corps Air Station (MCAS) Iwakuni, fil-Ġappun.

John Sullivan, id-Deputat Segretarju tal-Istat Amerikan, insista li bħalissa d-Dipartiment tal-Istat qed jikkonċentra fuq id-diplomazija biex isolvi l-kriżi Koreana.
Imma, żied Sullivan, flimkien mal-pajjiżi alleati, l-Istati Uniti trid tlesti għall-agħar jekk id-diplomazija tfalli u l-Istati Uniti trid tkun lesta tiddefendi lilha nnifisha u lill-pajjiżi alleati.
Hu qal dan wara laqgħa li kellu f’Tokjo, il-Ġappun, mal-Viċi Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġappun u l-Korea t’Isfel.
Twissija simili saret il-Ħadd minn Rex Tillerson, is-Segretarju tal-Istat Amerikan.
Kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Korea t’Isfel qal li l-Korea t’Isfel u l-pajjiżi alleati kienu impenjati biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni u fosthom kien hemm dak li r-reġim ta’ Pyongyang ipoġġi fuq il-mejda tan-negozjati.
Fl-istess ħin, iżda, Kim In Ryong, id-Deputat Ambaxxatur tal-Korea ta’ Fuq għan-Nazzjonijiet Uniti, wissa li s-sitwazzjoni kienet waslet f’punt li gwerra nukleari tista’ tfaqqa’ fi kwalunkwe ħin. Huwa wissa dwar il-manuvri bejn l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel, li għadhom kemm bdew.