Internazzjonali

Jinħeles fin-Niġerja is-saċerdot Taljan maħtuf

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ħabbar li saċerdot Taljan li kien inħataf fin-Niġerja kien inħeles.
Maurizio Pallu inħeles tard it-Tlieta filgħaxija u ntqal li kien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba. Hu kien inħataf ħamest ijiem qabel f’Benin City.
Angelino Alfano, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, qal li issa Pallu kien irritorna lura lejn il-kapitali Niġerjana, Abuja, fejn kien ilu tliet snin.
F’kummenti lir-Radju tal-Vatikan, Pallu qal li nħataf flimkien ma’ żewġ Niġerjani u t-tlieta li huma nħelsu flimkien.
S’issa ma ntqal xejn dwar min ħatfu u lanqas iċ-ċirkustanzi li fihom inħeles. Kien hemm indikazzjoni għall-ewwel li Pallu kien inħataf mill-grupp militanti Iżlamiku tal-Boko Haram, imma s’issa ma kien hemm ebda konferma ta’ dan.
Pallu qal li din kienet it-tieni darba li hu nħataf f’temp ta’ sena, imma kien determinat li jibqa’ jaħdem fin-Niġerja.