Lokali Saħħa

L-MUMN toħroġ 14-il direttiva industrijali għall-infermiera fl-Isptar Monte Karmeli

L-infermiera mhux se jqassmu ikel u jieħdu demm lill-pazjenti

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, permezz tas-Segretarju Ġenerali Colin Galea, ħarġet 14-il direttiva industrijali lill-infermiera kollha fl-Isptar Monte Karmeli. Dan sakemm numru ta’ kundizzjonijiet ma jitwettqux minn naħa tal-Gvern.

Fost id-direttivi li ħarġet il-Unjin, l-infermiera la se jitrasferixxu pazjenti fi swali u kmamar oħra fl-istess sptar u lanqas għall-viżti fi sptarijiet, djar tal-anzjani oħra jew għall-kawżi fil-qrati. L-infermiera ġew mgħarfa ukoll biex ma jaħslux, ma jieħdux demm u lanqas iqassmu ikel lill-pazjenti. It-tobba u l-professuri mhux se jiġu akkumpanjati mill-infermiera u lanqas se jsibu fajls preparati waqt sessjonijiet ta’ testijiet mediċi u rondi t’analiżi fuq il-pazjenti. Saħansitra lanqas se jordnaw mediċini għall-istess pazjenti u oġetti konsumabbli.

Dawn id-direttivi industrijali se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 23 ta’ Ottubru fis-7 ta’ filgħodu. L-MUMN waslet sa din l-estremità wara li l-Gvern injora l-proposti li l-Unjin ppreżentat lill-Gvern sabiex jintlaħaq ftehim settorjali ġdid. L-infermiera u l-qwiebel f’Malta mhumiex f’sitwazzjoni feliċi fuq il-post tax-xogħol u kontra qalbhom se jirrikorru għal dan il-pass.