Lokali

“Lestu ruħkom għal frame-up” – Manuel Delia

“Lestu ruħkom għal frame-up”. Din it-twissija għamilha l-opinjonista Manuel Delia b’reazzjoni għal post fuq Facebook mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo fejn insinwa li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia se jwassal għat-“tħarbit tal-progress soċjali u ekonomiku tal-pajjiż” u staqsa “fl-interess ta’ min li x-xogħol qawwi tal-Gvern biex itejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin jisfaxxa?”

Manuel Delia qal li f’pajjiż normali, Ministru tal-Edukazzjoni li ma jiktibx b’Malti tajjeb kien jispiċċa. “Imma dan mhux pajjiż kwalunkwe. Dan hu pajjiż fejn ġurnalisti jinqatlu u r-reġim politiku jipprova jitfa’ l-qtil fuq l-Oppożizzjoni.” Hu rrimarka li Pietru Pawl Busuttil laħaq miet qabel jara t-tieni frame-up politiku f’ħajtu.

Delia kiteb l-inkwiet ta’ Evarist Bartolo hu li “l-mit tal-aqwa żmien, il-ħrafa tas-surplus, ikkrollat taħt il-verita’ tal-katastrofi li daħħal lill-pajjiżna fiha.”

“Evarist Bartolo u l-mexxej tiegħu Joseph Muscat qatt ma setgħu iniżżlu l-fatt li l-aġenda tal-verita’ ta’ Daphne Caruana Galizia tista’ taljena n-nies mill-gideb, il-korruzzjoni u l-kompetenza tagħhom. F’mewtha, is-sagrifiċċju aħħari, l-aġenda tal-verita’ ta’ Daphne Caruana Galizia għarrqet il-ħrafa u l-illużjoni tal-aqwa żmien u r-realta’ tal-agħar żminijiet,” kiteb Manuel Delia.