Futbol Sport

Manchester United, PSG u Barcelona pass eqreb lejn il-kwalifikazzjoni

Eduardo Salvio jsegwi lil Nemanja Matic waqt il-logħba bejn Benfica u Manchester United (Ritratt: EPA)

Manchester United, Paris Saint Germain u Barcelona kisbu t-tielet rebħa minn daqstant partiti biex saħħew posthom fil-gruppi rispettivi tagħhom u b’hekk jinsabu pass bogħod mill-kwalifikazzjoni għar-rawnd tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League.

Manchester United għelbu lil Benfica fil-Portugall 1-0 bil-gowl rebbieħ jasal fit-68 minuta minn Marcus Rashford. PSG rebħu 4-0 kontra Anderlecht fil-Belġju, bit-trio fl-attakk Kylian Mbappe, Edinson Cavani u Neymar jiskorjaw flimkien ma’ Angel di Maria li ssiġilla r-rebħa. Barcelona għelbu lil Olympiacos 3-1. Awto-gowl ta’ Dimitrios Nikolaou wara 11-il minuta fetaħ l-iskor għal Barcelona, u minkejja li tkeċċa Gerard Pique fit-42, it-tim Katalan irdoppja mas-siegħa logħob b’gowl ta’ Lionel Messi, b’Lucas Digne jagħmilhom 3-0 tliet minuti wara. Dimitrios Nikolaou skorja l-gowl tal-bandiera fid-90 minuta.

F’logħbiet oħra, Bayern Munich kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq Celtic, bil-gowls rebbieħa jaslu minn Thomas Muller, Joshua Kimmich u Mats Hummels. Juventus kisbu rebħa sofferta ta’ 2-1 fuq Sporting. Il-Portugiżi minn fuq b’awto-gowl ta’ Alex Sandro fit-12-il minuta, iżda Miralem Pjanic ġab id-draw fid-29 minuta. Mario Mandzukic skorja l-gowl tar-rebħa sitt minuti mit-tmiem.

Chelsea u Roma spiċċaw fi draw ta’ 3-3 fi Stamford Bridge. Chelsea bnew vantaġġ doppju b’gowls minn David Luiz u Eden Hazard fil-11 u fis-37 minuta rispettivament. Iżda Roma wettqu rimonta, u wara li Aleksandar Kolarov naqqas id-distakk tliet minuti wara, żewġ gowls ta’ Edin Dzeko fit-tieni taqsima dawru l-iskor favur it-tim ta’ di Francesco. Madankollu Eden Hazard salva punt kwarta mit-tmiem.

Basel għelbu lil CSKA Moscow 2-0. Taulant Xhaka fetaħ l-iskor fid-29 minuta u Dimitri Oberlin għalaq il-logħba fid-90 minuta. Qarabag u Atletico Madrid spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.