Jason Galea, wieħed mill-irġiel li jinsabu akkużati bil-qtil tax-xufier tat-taxi Matthew Zahra f’Awwissu 2012, allega li kien hemm splussivi neqsin fil-garaxx tal-vittma u li jista’ jkun li ntuża fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jason Galea deher il-Qorti mingħajr Avukat u talab għal Avukat tal-għajnuna legali. Fis-seduta, hu indirizza lill-Ispettur Fabian Fleri. “Mario (Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru), bil-permess ta’ Matthew, kellu tliet bombi fil-garaxx, saru xi investigazzjonijiet?”
“Nafu x’ġara. Dawn għadhom qed jiġru,” tenna l-akkużat b’riferenza għall-dawn l-allegati splussivi.
Galea qal li mar fid-Depot tal-pulizija biex ikellem lill-Ispettur dwar dawn l-isplussivi iżda intbagħat għand wieħed taħtu u ħadd ma kellmu.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, ipprovat tispjega li l-affarijiet ma jsirux b’dan il-mod għaliex l-Ispettur la jista’ jibgħat għalih mingħajr il-preżenza ta’ avukat u lanqas ma jista’ jfittex informazzjoni li mhux relatata mal-każ li dwaru jinsab akkużat.
Iżda Galea kompla jindirizza lill-Ispettur Fleri, “Inti taf li jumejn ilu mara nqatlet b’bomba hux?” staqsa.
Galea ta’ 41 sena minn Birżebbugia, flimkien ma’ Ronald Urry ta’ 49 sena minn Raħal Ġdid, jinsabu akkużati li ħadu lil Zahra f’għalqa f’Birżebbugia fejn sparawlu. Bħalissa għaddejja il-kumpilazzjoni ta’ dan il-każ quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.
Il-fdalijiet ta’ Zahra kienu nstabu fl-istess għalqa fejn kienu nstabu l-katavri ta’ Mario Camilleri, magħruf bħala l-Imnieħru, u ibnu Mario li kienu nqatlu f’Lulju tal-2013.
Il-Kumpilazzjoni tkompli x-xahar id-dieħel.
//= $special ?>