Futbol Sport

Sam Allardyce jidher interessat li jmexxi t-tim nazzjonali Amerikan

L-aħħar klabb li mexxa Sam Allardyce kien Crystal Palace

Sam Allardyce jidher li hu interessat li jieħu post Bruce Arena bħala kowċ tat-tim nazzjonali Amerikan. Skont sorsi fl-Ingilterra, il-manager li fil-passat mexxa lit-tim nazzjonali Ingliż, mhux interessat li jmexxi lil Leicester hekk kif mhux qed jikkunsidra li jerġa’ jibni tim ieħor tal-Premier League.

Il-manager ta’ Wales Chris Coleman jidher li hu l-favorit li jieħu post Craig Shakespeare, bl-eks manager ta’ Borussia Dortmund Thomas Tuchel ukoll jgħid li mhux interessat.

Hu mifhum li Allardyce mhux interessat li jieħu post Shakespeare, li kien l-assistent tiegħu fil-perjodu qasir li mexxa lit-tim nazzjonali Ingliż. Jekk jingħaqad ma’ klabb qabel l-2019, ikollu jingħata kumpens lil Crystal Palace wara li rriżenja mill-kariga f’Mejju.

Arena rriżenja minn kowċ tat-tim nazzjonali Amerikan wara li l-Istati Uniti naqsu li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja bit-telfa ta’ 2-1 kontra t-Trinidad u Tobago l-ġimgħa l-oħra. Din kienet l-ewwel darba mill-1986 li l-Istati Uniti ma kkwalifikawx għal fażi finali.

Allardyce li lagħab ma’ Tampa Bay Rowdies lejn tmiem il-karriera tiegħu fil-futbol, fil-passat wera interess li jirritorna fit-tmexxija internazzjonali, wara li dam biss 67 ġurnata fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Ingliż.

“Li klabb ieħor jiġi u jgħid ejja u salvana, ma naħsibx li hu xogħol għalija issa. Kont hemm u għamiltha,” qal Allardyce li fil-passat mexxa timijiet bħal West Ham, Bolton, Blackburn u Newcastle.

Hu kompla jgħid li jekk għandu jikkunsidra kollox, tkun kariga internazzjonali li hi tajba għalih u li jħoss li jkollu ċans jikkonvinċi lill-martu jagħmel dan. Allardyce qal li kariga bħal din jirrikjedi anqas impenn mill-Premier League, minħabba li t-tensjoni u l-pressjoni hi kbira.