Lokali Qtil Politiku

Il-kumitat PANA jsellem il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia b’minuta silenzju

Il-Kumitat PANA tal-Parlament Ewropew illum sellem il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia b’minuta silenzju fil-bidu tal-laqgħa.

Ic-Chairperson tal-Kumitat Werner Langen sostna li jikkundanna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sostna li kienet ġurnalista li żvelat stejjer dwar il-Panama Papers.

Immedjatament wara l-minuta silenzju mill-membri kollha tal-kumitat PANA, il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, viżibilment emozzjonat, sostna li l-kumitat għandu jikkundanna dan il-qtil. Dwar dan kien hemm qbil bejn il-membri tal-Kumitat. Hu sostna li dak li seħħ hu kompletament inaċċettabbli fl-Unjoni Ewropea.

Preżenti kien hemm ukoll il-membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola.

Il-ġurnalista kellha laqgħa mal-kumitat PANA dwar l-istejjer li kienet żvelat fi Frar li għadda. Issa l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ġiet mistiedna tattendi għal sessjoni plenarja speċjali li se ssir fi Brussel il-ġimgħa d-dieħla fejn se tiġi mfakkra l-memorja tagħha.

Fi tweet, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fisser dak li seħħ bħala qtil ta’ persuna għaliex fittxet il-verità.