Lokali Qtil Politiku

SEMTEX: l-isplussiv użat biex inqatlet Daphne Caruana Galizia

Jekk jiġi konfermat, din tkun l-ewwel darba li intuża s-Semtex f'pajjiżna

Tard ilbieraħ bil-lejl In-Nazzjon wasliltu informazzjoni ġdida dwar il-bomba li saret mal-karozza tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – bomba li saret b’mod professjonali immens u li inħolqot bl-użu ta’ splussiv militari.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ In-Nazzjon ikkonfermaw illi l-isplussiv użat fid-delitt ta’ nhar it-Tnejn kien tat-tip Semtex, li hu splussiv illi ma jħallix riħa. Dan l-isplussiv kien żviluppat oriġinarjament fis-snin Sittin fiċ-Ċekoslovakkja, u aktar tard kien użat b’mod regolari fil-gwerra tal-Vjetnamm. Kien popolari anke fl-attakki tal-IRA u l-estremisti Iżlamiċi.

Għal żmien twil is-Semtex kien splussiv verament diffiċli li wieħed jinduna bih, tant li kien intuża fil-każ tat-titjira PanAm 103 fuq Lockerbie.

Riċentament, il-Pulizija Irlandiża interċettat konsinja ta’ 6kg Semtex li kienet desinata għall-IRA. Dakinhar, l-Irlandiżi kienu maħsuda għax ma kienux konxji eżatt dwar il-mod kif irnexxielhom idaħħlu dan il-materjal fil-pajjiż.

Dan ix-xenarju kollu jitfa’ dawl ġdid fuq l-attakk barbaru li seħħ nhar it-Tnejn f’pajjiżna u li fih inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Pulizija tal-Investigazzjonijiet Kriminali bl-għajnuna tal-unit tal-Forensika issa jridu jaraw minn fejn inġieb dan l-isplussiv u min kien il-moħħ wara dan l-att infami. Kruċjali għall-investigaturi se tkun ir-rabta li hemm bejn il-provenjenza tas-Semtex u l-awtur jew awturi ta’ dan l-assasinju li seħħ fid-dawl tax-xemx b’mod pjanat sal-inqas dettall.

It-teorija li l-isplussiv kien Semtex tidħol eżatt max-xenarju li sabu ma wiċċhom l-investigaturi, aktar u aktar meta wieħed iqis is-saħħa tal-isplużjoni li kien hemm fil-Bidnija it-Tnejn. Kien is-Semtex li wassal għal splużjoni qawwija ta’ dak it-tip tant illi l-karozza taret għal diversi metri bis-saħħa tal-‘blast’.

Sorsi ddeskrivew is-Semtex bħala “splussiv kattiv” li bilfors inġieb minn barra l-pajjiż.

Sadatant, ilbieraħ fuq il-programm Net Live l-eks Spettur tas-CID David Saliba qal illi mill-analiżi li qed jagħmel hu skont l-evidenza sa issa “mhux konfermat illi l-bomba tpoġġiet taħt il-karozza”. Skont l-espert tal-investigazzjonijiet kriminali, hemm bżonn issir analiżi aktar bir-reqqa sabiex wieħed jistabbilixxi fejn u kif tpoġġa’ dan l-isplussiv, u anke kif saret id-detonazzjoni tal-bomba.