Oħt mara li kienet attakkata minn aggressuri li ppruvaw jaħarquha ħajja quddiem ir-residenza tagħha xehdet kif bdiet tisma’ l-għajjat imwerwer tan-neputi tagħha u l-vuċijiet tal-allegati aggressuri fuq it-telefon.
Chantelle Debono xehdet fil-kumpilazzjoni fil-każ kontra Alvin Pullicino ta’ 26 sena li jinsab akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ Michelle Camilleri u kuġinuh Gavin Spagnol ta’ 21 sena li jinsab akkużat b’kompliċita’ fir-reat li seħħ fit-12 ta’ Lulju li għadda quddiem ir-residenza tal-vittma f’Ħaż-Żabbar.
Debono xehdet li dakinhar tal-inċident, hi rċeviet telefonata mingħand oħtha fejn qaltilha biex imorru sal-bandli. Ftit wara, irċeviet telefonata oħra fejn semgħet għajjat ta’ mara u fl-isfond, iben il-vittma jgħajjat imwerwer “ħalluha lil ommi”.
Debono, li għal xi żmien kellha relazzjoni mal-akkużat Pullicino, qalet li setgħet tagħraf l-ilħna taż-żewġ akkużati li allegatament ilhom f’diversi kwistjonijiet mal-familja tal-vittma. Kwistjoni li eventwalment wasslet għall-inċident vjolenti fejn l-akkużati allegatament ippruvaw jagħtu n-nar lil Michelle Camilleri, quddiem binha ta’ 9 snin.
Hi marret immedjatament lejn id-dar t’oħtha fejn immedjatament xammet riħa qawwija ta’ petrol. Debono irrakkontat ukoll li oħtha kienet urietha marki ta’ ħruq taħt sidirha. Waqt il-kontroeżami, ix-xhud qalet li kienet rat ukoll lighter u tapp ta’ jerry can fil-parapett ta’ oħtha.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, semgħet ukoll li iben il-vittma għadu qed jirċievi trattament psikoloġiku għat-trawma li għadda minnu u għad mhux magħruf meta se jkun qed jixhed permezz ta’ videoconference.
Il-Qorti ma laqgħetx talba oħra għall-ħelsien mill-arrest ta’ Gavin Spagnol kemm minħabba li t-tifel għadu ma xehedx kif ukoll minħabba li l-Qorti għandha responsabbiltà li tipproteġi s-soċjeta’.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Christabelle Chetcuti. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għal Alvin Pullicino u l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Gavin Spagnol. L-Avukat Veronique Dalli qed tidher parte civile għan-nom tal-vittma.
//= $special ?>