Lokali

Tikber il-ħtiega ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha – Robert Arrigo

Robert Arrigo
Robert Arrigo

L-istituzzjonijiet, li suppost qegħdin hemm biex jagħtu serħan il-moħħ liċ-ċittadini, fallew, krollaw u n-nies tilfu l-fiduċja tagħhom fihom. Il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huwa xhieda ta’ dan. Din il-ġurnalista kienet l-aktar ġurnalista kontroversjali  f’pajjiżna. Kienet hi li kixfet skandli politiċi kbar – fosthom tal-Panama Papers. Dan qalu l-kandidat għal Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo fi stqarrija.

Robert Arrigo sostna li minflok taw protezzjoni lil din il-ġurnalista, l-Gvern Laburista, permezz ta’ esponenti ewlenin tiegħu, bdew hashtag fuq facebook #galiziabarra. Illum nafu xi tfisser dik il-hashtag – min jikxef l-abbuż jiġi intimidat, sakemm fl-aħħar isikktuh – darba għal dejjem.

Robert Arrigo qal li min, illum, qed jibki d-dmugħ tal-kukkudrilli, sa ftit ġranet ilu kien qed jattakka lil din il-ġurnalista, u jħalli lin-nies tiegħu jinsulentawha, jhedduha u jħeġġu l-mibgħeda fil-konfront tagħha. Il-poplu xxukkjat, imma mhux biss. Il-poplu rrabjat għal min suppost jara li din il-brutalita’ ma sseħħx sostna Robert Arrigo.

Iżda l-poplu jfittex fejn idur, għal kenn, u ma jsib kenn imkien. L-istituzzjonijiet f’pajjiżna huma mnawwrin. Għandna korp tal-pulizija li ma jgawdix il-fiduċja tan-nies – mhux tort tal-uffiċjali tal-pulizija, imma tort ta’ min imexxi l-korp: Kummissarju tal-Pulizija pupazz f’idejn il-gvern, qal Arrigo.

Robert Arrigo saħaq dwar il-ħtieġa ta’ Oppożizzjoni effettiva, b’saħħitha, magħquda – għax hi biss tista’ tkun it-tarka tal-poplu, għax hi biss tista’ tkun il-vuċi tar-raġuni, tal-ġustizzja u tas-sewwa.

Robert Arrigo temm jgħid li llum qiegħed joffri l-esperjenza tiegħu biex, flimkien mal-Kap tal-PN Adrian Delia u sħabu d-deputati, iservi mill-kariga ta’ Viċi Kap għall-affarijiet tal-partit biex jgħin ħalli, fl-iqsar żmien possibbli, l-Partit Nazzjonalista jsir il-vuċi u t-tarka taċ-ċittadin.