Lokali

Żewġ Maltin investigati fuq traffikar taż-żejt mil-Libja lejn l-Italja

L-awtoritajiet fl-Italja ħarġu mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tal-Maltin Darren u Gordon Debono, kif ukoll numru ta’ Taljani u Libjani oħra.

Dan wara li fl-Italja ġew arrestati diversi Taljani akkużati bi traffikar illegali ta’ żejt bil-kutrabandu, bejn il-Libja u l-italja, bl-involviment ukoll ta’ pajjiżna.

Darren u Gordon huma suspettati li organizzaw it-trasport bil-baħar għal skopijiet illeċiti f’investigazzjoni li qed tħares ukoll lejn tipi oħra ta’ traffikar fosthom dak tal-umani.

Il-mandat ħareġ wara li f’Awwissu li għadda kien arrestat dak meqjus bħala r-re tat-traffikar, il-Libjan Fahmi Salim Musa Bin Khalifa u l-boss tal-mafja Nicola Orazio Romeo.

L-investigazzjonijiet s’issa wrew li saru mill-inqas 30 vjaġġ ta’ trasport ta’ żejt illegali għal total ta’ 80 miljun kilogramma ta’ żejt għal valur ta’ madwar €30 miljun.

Darren Debono kien sħab f’kumpanija mal-istess Bin Khalifa, iżda meta ħarġu r-rapporti tal-arrest, l-avukati tal-familja Debono kienu ħarġu stqarrija fejn qalu li r-relazzjonijiet ta’ kummerċ ta’ bejniethom kienu waqfu u l-kumpanja tagħhom ADJ Trading Limited ingħalqet.