Skont rapport dwar it-traffikar tal-bnedmin, tal-anqas 1,320 tfajla Olandiża ta’ bejn it-12 u s-17-il sena kull sena jispiċċaw vittma ta’ sfruttament sesswali.
Dan skont rapport dwar it-traffikar tal-bnedmin li kien pubblikat ilbieraħ.
Corinne Dettmeijer, ir-Rapporteur Nazzjonali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin u Vjolenza Sesswali kontra t-Tfal, qalet li dawn kienu l-ewwel ċifri li wieħed seta’ jorbot fuqhom dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-Olanda u l-ewwel tax-xorta tagħhom fl-Ewropa. Hi qalet li t-tħassib tagħha kien li qed jonqsu l-każi u dan qed ikun interpretat bħala indikazzjoni li qed ikun hemm anqas nies li jmorru jirrapportaw.
Ir-rapport ta’ 108 paġni għamel użu minn ċifri kemm tal-awtoritajiet Olandiżi kif ukoll tan-Nazzjonijiet Uniti għall-perjodu bejn l-2012 u l-2016.
L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Droga u l-Kriminalità, li kkoopera fuq ir-rapport, qed iħeġġeġ pajjiżi oħra biex jipproduċu ċifri simili biex ikun hemm stampa internazzjonali aktar ċara dwar reati simili.
Ir-rapport qal li madwar nofs it-3,000 każ ta’ sfruttament sesswali, fil-maġġoranza assoluta tagħhom nisa, kienu jinvolvu bniet taħt l-eta.
F’rapport ippubblikat fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea qalet li kien hemm aktar minn 30,000 vittma ta’ traffikar tal-bnedmin fl-Ewropa bejn l-2010 u l-2012, madwar il-pajjiżi tal-UE. Minn dawn, mal-1,000 kienu tfal li kienu traffikati biex ikunu sfruttati sesswalment.
Dettmeijer qalet li filwaqt li kien magħruf li kien hemm numru għoli ta’ nisa mil-Lvant tal-Ewropa li kienu furzati fl-industrija tas-sess, in-numru ta’ bniet Olandiżi taħt l-età kien sorprendenti.
Aktar minn 1,000 tfajla kull sena vittma ta’ traffikar fl-Olanda


