Lokali Parlament

“Daqqa lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – David Stellini

Il-konsegwenzi tal-qtil politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna kienu fil-qofol tad-diskors tad-Deputat David Stellini fil-Parlament.

Huwa qal li fuq livell internazzjonali pajjiżna jgawdi reputazzjoni tajba partikolarment minħabba l-ekonomija tal-pajjiż u d-drittijiet ċivili.

Madankollu, kompla David Stellini, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna qalgħet daqqa ta’ ħarta wara l-każ tal-Panama Papers iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li ma jitlobx ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi u żammhom hemm wara l-elezzjoni.

Iżda issa jidher li dan id-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jkun daqqa ta’ ħarta oħra għar-reputazzjoni tal-pajjiż partikolarment minħabba l-fatt li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet l-ewwel ġurnalista li żvelat il-każ tal-Panama Papers.

Id-Deputat David Stellini talab lill-Prim Ministru biex jagħmel investigazzjoni indipendenti dwar dan il-qtil partikolarment minħabba li-fatt li ħafna ma għandhomx fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija preżenti.