Usain Bolt se jagħti l-bidu b’mod uffiċjali għall-Grand Prix tal-Ħadd li ġej fl-Istati Uniti. L-aktar persuna veloċi fid-dinja, se jagħti s-sinjal lis-sewwieqa biex jibdew id-dawra ta’ preparazzjoni f’Austin.
It-tmien darbiet Champion Olimpiku li rtira mill-atletika wara l-Kampjonati tad-Dinja ta’ din is-sena f’Londra, mistenni wkoll jiddawwar maċ-ċirkwit mil-leader tal-kampjonat Lewis Hamilton bi preparazzjoni għal din it-tiġrija.
Bolt hu wieħed minn numru ta’ ismijiet popolari, li qed jintużaw mis-sidien tal-Formula 1 Liberty Media fl-ewwel Grand Prix f’pajjiżhom. Apparti l-preparazzjoni għal din it-tiġrija, Michael Buffer li hu familjari max-xena tal-boxing, se jintroduċi lis-sewwieqa fuq il-grid il-Ħadd.
L-FIA tat permess speċjali mir-regoli normali ta’ proċedura, biex il-karozzi jitilqu l-pit lane 15-il minuta, biex l-introduzzjoni ta’ Buffer tkun aktar akkomodata.
“Jien kont involut f’uħud mill-akbar avvenimenti sportivi madwar id-dinja, u ntroduċejt uħud mill-aqwa boxers tal-era moderna, u issa wasal iż-żmien li nintroduċi l-aqwa sewwieqa fid-dinja. Huma l-istilel ta’ dan l-isport, u rrid nintroduċihom bl-enerġija u l-adrenalina li ħaqqhom qabel ma jixegħlu l-magni u jkunu lest biex jikkompetu,” qal Michael Buffer.
Liberty Media wkoll bidlu l-ħin tal-provi uffiċjali tas-Sibt b’sagħtejn, bl-għan li jinkoraġġixu aktar partitarji biex jibqgħu għal kunċert ta’ Justin Timberlake filgħaxija.
It-tiġrija tal-Ħadd tista’ tara l-kampjonat tas-sewwieqa jiġi deċiż. Lewis Hamilton jista’ jirbaħ ir-raba’ titlu jekk jaqbeż lil Sebastian Vettel b’16-il punt u lil sieħbu Valtteri Bottas bi tliet punti, filwaqt li l-Mercedes jirbħu r-raba’ Kampjonat tal-kostrutturi jekk jiksbu 17-il punt aktar mill-Ferrari.
Il-provi uffiċjali tas-Sibt se jsiru fil-11.00pm ħin ta’ Malta filwaqt li t-tiġrija ssir il-Ħadd fid-9.00pm.