F’konferenza tal-aħbarijiet imsejħa tliet ijiem wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – meta mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Kummissarju tal-Pulizija ma kienx jaf li l-FBI kienu se jiġu Malta għal taħriġ, iżda mbagħad kompla u kkonferma d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta li l-FBI diġa’ kienu ġejjin hawn. Silvio Valletta stqarr li l-erba’ investigaturi tal-FBI kienu diġa’ se jiġu Malta f’dan iż-żmien għal taħriġ li kien skedat. Madanakollu fl-istess nifs – idur id-diskors u wara jgħidu li ntbagħtu persuni differenti mill-FBI f’Malta u mhux dawk li kienu assenjati li jiġu għal taħriġ.
Il-Kummissarju stqarr li l-FBI se tkun involuta fl-investigazzjoni speċifikament dwar l-aspett tekniku, filwaqt li l-investigaturi Olandiżi se jieħdu ħsieb il-kompilazzjoni tal-evidenza. Il-Kummissarju kompla li biex tinġabar l-evidenza kollha għad fadal ħafna, fejn se jieħdu ġimgħat.
Iżda dan jikkuntrasta mal-kliem tal-Prim Minsitru Joseph Muscat, fejn it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament qal li l-investigaturi se jiġu Malta speċifikament biex jgħinu f’din l-investigazzjoni.
Minkejja li ssejħet din il-konferenza tliet ijiem wara l-qtil tal-ġurnalista, il-Pulizija ma tat l-ebda informazzjoni ġdida u ftit li xejn irrispondiet id-domandi tal-ġurnalisti.
Fost id-diversi mistoqsijiet li saru, ġurnalist mill-BBC staqsa kif il-poplu jista’ jserraħ rasu li dan il-każ se jissolva – jekk lanqas biss issolva każ wieħed minn sitt bombi li saru din is-sena fejn il-Kummissarju qal: “Se nagħmlu l-aħjar li nistgħu”.
Aktar tard – ġurnalist ieħor Taljan staqsa jekk il-quddiem hux se toħroġ informazzjoni, jew inkella kif ġieli sar f’pajjiżna, stqarr dan il-ġurnalist, ma joħroġ xejn – fejn id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta qal li din m’hijiex kwistjoni tagħhom għax taqa’ taħt il-kompetenza tal-Maġistrat inkwerenti.
Net News staqsa dwar it-talba tar-riżenja kemm minn naħa tal-Oppożizzjoni kif ukoll minn naħa tal-familja Caruana Galizia – iżda l-Kummissarju evita l-mistoqsija u stqarr li l-qofol għalih hu din l-investigazzjoni.
Madanakollu, bosta ġurnalisti ħarġu ddiżappuntati minn din il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Pulizija – hekk kif ma ħareġ l-ebda aħbar ġdid. F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju Lawrence Cutajar kien akkumpanjat mid-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, mill-Assistent Kummissarju Kevin Farrugia, l-Assistent Kummissarju Martin Sammut, u f’isem l-FBI li qegħdin bbażżati f’Ruma kien hemm Kieran Ramsey.
//= $special ?>