Il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, maqtula brutalment nhar it-Tnejn li għadda minħabba li ma beżgħetx tikteb kontra l-abbuż tal-poter u l-korruzzjoni, fi stqarrija ħarġet stqarrija wara dik li sejħet bħala “pressjoni bla waqfien mill-President u l-Prim Ministru ta’ Malta biex il-familja tappoġġja għotja ta’ miljun ewro lil min jikxef il-moħħ wara dak li seħħ.”
Matthew Caruana Galizia, fi stqarrija f’isem il-familja, qal li huma mhux interessati f’ġustizzja jekk din ma twassalx għall-bidla. “Aħna mhux interessati f’kundanna kriminali li ssir biss biex in-nies fil-Gvern, li kellhom xi jgawdu mill-qtil ta’ ommna, jirkbu fuq dan u jgħidu li l-ġustizzja ġiet servuta.”
Fl-istqarrija jingħad li l-ġustizzja tkun servuta biss meta jidħol fis-seħħ dak kollu li Daphne Caruana Galizia ġġieldet għalih, jiġifieri l-kontabbiltà politika, l-integrità fil-ħajja pubblika u soċjetà miftuħa u libera, tbiddel is-sitwazzjoni ddisprata li ninsabu fiha.
“Il-Gvern hu interessat biss f’ħaġa waħda: ir-reputazzjoni tiegħu u l-bżonn li jaħbi l-ħofra li l-istituzzjonijiet tagħna jinsabu fiha. Dan mhux l-inteess tagħna u lanqas kien l-interess t’ommna,” tiddikjara l-familja Caruana Galizia, li kkundannat lill-Korp tal-Pulizija u lill-Gvern “li naqsu lil ommna matul ħajjitha u issa se jonqsuha wkoll f’mewtha, għaliex dawk li dejjem ippruvaw isikktuha, issa ma jistgħux ikunu dawk li jwasslu għall-ġustizzja.”
Il-familja Caruana Galizia tiddikjara li anke jekk il-Pulizija jsibu lill-ħatja, jekk dawk li jmexxu lil pajjiżna jibqgħu jagħmlu dan, kollox ikun għalxejn. “Isem min wettaq dan il-qtil se jibqa’ għal dejjem fl-istorja ta’ kif l-istat iżżarma, biċċa biċċa u ttiekel mill-kriminal u l-korrott.”
U b’risposta għat-talba tal-Prim Ministru biex il-familja Caruana Galizia tapprova l-għotja ta’ miljun ewro, id-dikjarazzjoni tal-familja fil-konfront tal-Prim Ministru tgħid hekk: “Uri r-responsabbiltà politika u rriżenja. Irriżenja talli fallejt milli tissalvagwardja l-libertajiet fundamentali tagħna. Irriżenja talli rajt it-twelid ta’ soċjetà ddominata minn biża’, nuqqas ta’ fiduċja, illegalitajiet u korruzzjoni u ma għamilt xejn. Irriżenja talli ħdimt biex lil ommna tkissirha finanzjarjament u biex tbaxxiha b’mod diżuman u brutali tant li lanqas kienet baqgħet tħossha sigura timxi fit-triq.”
Qabel ir-riżenja tal-Prim Ministru, il-familja qed titlob li l-aħħar att tiegħu jkun bidla fil-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali biex minflok jinħatru persuni li ma jibżawx jaġixxu fuq l-evidenza kontra l-istess Prim Ministru u dawk li jipproteġu.
“Imbagħad ma jkunx hemm bżonn għotja ta’ miljun ewro, għaliex ommna ma tkunx mietet għalxejn.”
//= $special ?>

