Il-ġurnalisti, edituri, fotografi u cameramen fost diversi professjonisti oħra fil-midja ngħaqdu flimkien f’manifestazzjoni fil-Belt Valletta li matulha kkundannaw il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għamluha ċara li l-vjolenza mhix se ssikkithom.
Għal dil-manifestazzjoni, organizzata fuq inizjattiva personali ta’ grupp ta’ ħaddiema fil-midja, attendiet folla mdaqqsa, ilkoll b’leħen wieħed kontra l-biża’ quddiem il-vjolenza.
Wara li ltaqgħu qrib il-Parlament, fejn twassal messaġġ li ħadd u xejn mhu se jwaqqaf lill-ġurnalisti milli jivnestigaw u jippubblikaw il-verità, dawk preżenti mxew flimkien lejn il-monument tal-Assedju quddiem il-Qorti ta’ Malta.
Hawn, il-messaġġi ‘Ġustizzja’, ‘Libertà tal-Espressjoni’ u ‘Ma Nibżgħux’ tpoġġew qalb ix-xemgħat u fjuri li għall-aħħar sigħat tpoġġew taħt dan il-monument bħala tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia u messaġġ għall-ġustizzja.
Intant l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ressaq applikazzjoni fil-Qorti biex informazzjoni u s-sorsi tal-ġurnalisti u bloggers ikunu protetti u jibqgħu kunfidenzjali anke wara li dawn jiġu nieqsa, jew bħal f’dan il-każ, jinqatlu.
L-applikazzjoni saret fid-dawl li l-investigaturi li qed jinvestigaw dan il-qtil makabru elevaw laptop, mobile u diversi affarijiet oħra mis-sit tal-isplużjoni kif ukoll mir-residenza ta’ Daphne Caruana Galizia.
Sadattant il-President tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber ħabbar li l-Parlament Ewropew laqa’ t-talba tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa biex tkun diskussa l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-midja f’Malta.
Din id-diskussjoni se ssir nhar it-Tlieta li ġej.













