Lokali Parlament

Il-gvern herra l-istituzzjonijiet, is-saltna tad-dritt u d-demokrazija

– Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina sostna li l-Gvern Laburista herra l-istituzzjonijiet, is-saltna tad-dritt u d-demokrazija fil-pajjiż.

F’diskors fil-parlament Toni Bezzina qal li l-gvern hu sieket dwar l-agrikoltura u s-sajd fejn il-gvern qata’ qalbu minn dawn is-setturi tant li huma injorati għal kollox. Dan wara li l-gvern seraq il-vot tas-sajjieda u r-raħħala u ma wettaqx il-wegħdi li għamel f’dan is-settur. Dwar l-agrikoltura hemm il-probabbiltà li l-ilma ġdid jibda jiġi provdut għall-bdiewa. Dan għandu jun provdut bla spejjeż għall-bdiewa.

Toni Bezzina tkellem dwar dak li ġara nhar it-Tnejn bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li kienet simbolu tal-libertà tal-espressjoni. Hu sostna li l-art agrikola saret qabar ta’ mara li ġiet assassinata ħabta u sabta. Dan hu konsegwenza ta’ dak li Joseph Muscat ġab lill-pajjiż, fejn il-kriminali jirrenjaw. Dan il-budget ġie irrilevanti għaliex dan kien qtil politiku minħabba li hi kixfet korruzzjoni permezz tal-pinna tagħha. Dan hu l-ikbar qtil politiku fil-pajjiż.

Toni Bezzina qal li Joseph Muscat ilu erba’ snin inawwar l-istituzzjonijiet tal-pajjiż fejn anki l-Prim Imħallef għamel il-kritika tiegħu. Hu sostna li min ħalla l-provi tal-Bank Pilatus itiru issa qed imexxi l-investigazzjoni fuq l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Mhux ta’ b’xejn li r-Russa ħarbet mill-pajjiż fejn hi u missierha kienu anki mhedda fir-Russja stess. Fil-pajjiż hawn kriminalità li qed tistgħana minn fuq dahar il-poplu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern u l-One għamlu kampanja ta’ assassinju tal-karattru u fil-konfront tagħha saret kampanja ta’ mibgħeda. Iffriżawlha flusha u kienet insulentata mnn uffiċjali tal-Gvern. Kien hemm anki pulizja li feraħ bil-qtil tagħha. Minn hawn beda t-tnawwir tad-demokrazija fil-pajjiż.

Toni Bezzina kompla li l-istituzzjonijiet tal-istat ikkrollaw fejn il-kriminali qed jirrenjaw bil-każi kriminali jikbru immens b’sitt karozzi bomba u imiwet. Dan flimkien ma’ mewġiet kbar ta’ serqiet, traffikar ta’ droga u każi ta’ ħasil ta’ flus.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern herra l-istituzzjoni demokratika tal-pajjiż fejn is-saltna tad-dritt ikkrollat għal kollox. Wara l-qtil politiku ta’ Raymond Caruana, issa l-pajjiż wara 30 sena reġa’ tilef id-direzzjoni u l-libertà. Din il-ġimgħa għaddiet sħaba sewda minn fuq il-pajjiż li fiha kien hemm theddida kontra l-ġurnalisti kollha u kontra kull min jażżarda jiftaħ ħalqu. Dan hu stat dittatorjali fejn il-poplu jibża’ jitkellem għax jibża’ li jpatthuielu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern mhux se jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni; il-Gvern mhxu se jitħalla jgħaddi romblu minn fuq l-Oppożizzjoni u minn fuq il-poplu. F’pajjiż normali min jikxef il-korruzzjoni ma jiġix assassinat iżda jkun protett u mhux jitħalal għal riħu. Hu dmir ta’ kulħadd li r-rabja li hawn tiddawwar f’determinazzjoni li ħadd ma jibża’ jsemma’ leħnu. Il-ġurnalisti kollha għandhom ikunu protetti u ħadd m’għandu jiskot. Toni Bezzina qal li jalla l-pajjiż u l-poplu jieħdu tagħlima biex jiddefendu s-saltna tad-dritt.