Lokali

“Il-Konferenza tal-aħbarijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija żiedet id-dubji” – Adrian Delia fil-Parlament

Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar nisslet iktar dubji u nisslet iktar biżgħa flok serrħet ras il-poplu Malti li pajjiżna qed jagħmel l-aħjar li jista’ biex issir ġustizzja wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Qal dan il-Kap tal-PN Adrian Delia meta fil-Parlament ta l-ewwel reazzjoni tiegħu wara l-konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Kummissraju tal-Pulizija waral-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni elenka numru ta’ mistoqsijiet li qajmet il-konferenza tal-aħbarijiet – fost dawn dikjarazzjonijiet differenti dwar għalfejn issejħu investigaturi barranin. Filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-FBI ssejħu minħabba esperjenza fit-triangulation u li l-Olandiżi ssejħu minħabba esperjenza fil-corpse reconstruction. Għall-kuntrarju l-Kummissarju tal-Pulizija, fil-konferenza tal-aħbarijiet, qal li l-FBI ssejħu minħabba technical expertise filwaqt li l-Olandiżi ssejħu minħabba esperjenza fil-ġbir ta’ evidenza forensika.

Dawn id-dikjarazzjonijiet differenti, sostna Adrian Delia, iżidu iktar dubji u jqajmu iktar mistoqsijiet.

Dan minbarra l-fatt li l-Kummissarju wara l-assassinju tal-ġurnalista ma assigurax l-fruntieri tagħna.

Dan minbarra l-mistoqsija prinċipali: Għala l-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ ma rriżenjax quddiem dan il-qtil? Wara sitt każijiet oħra ta’ karozzi bomba li baqgħu ma ssolvewx, x’fiduċja jista’ jkollu l-poplu Malti li dan il-każ se jissolva?

Quddiem din il-konferenza tal-aħbarijiet li żiedet l-inċertezza fost il-poplu Malti, l-Oppożizzjoni se tkun iktar viġilanti biex taċċerta li f’pajjiżna tirrenja s-serjetà u n-normalità sabiex f’pajjiżna terġa’ tirrenja s-saltna tad-dritt, temm jgħid Arian Delia.