Lokali Qtil Politiku

Ir-risposta tal-Ministru Fearne għat-talba tar-riżenja mill-familja Caruana Galizia

Il-Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne qal li min jirreżenja hu 'kodard'

Għat-talba tal-familja Caruana Galizia – dik li tintrefa’ responsabbilta’ politika, u jirreżenjaw il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali – kienet din ir-risposta tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne:

Il-Ministru Chris Fearne u l-Konsulent Legali f’Kastilja Robert Abela f’isem il-Partit Laburista sejjaħ għall-konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tliet ijiem wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – fejn prova jitfa’ dell ikrah fuq id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Madanakollu, meta Net News kwota lil Matthew Caruana Galizia, it-tifel tal-ġurnalista li sfat vittma tal-qtil politiku – il-Ministru Chris Fearne qal li la l-Prim Ministru Joseph Muscat, la l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u lanqas l-Avukat Ġenerali Peter Grech ma għandhom jirreżenjaw mill-kariga tagħhom – għax min jirreżenja jkun kodard.

Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista:

Prim Ministru serju – quddiem traġedja nazzjonali – kien jerfa’ r-responsabbiltà politika u jassigura li tibda immedjatament ħidma biex jissaħħu l-istituzzjonijiet biex dak li ġara ma jerġax jirrepeti ruħu. Muscat, iżda, l-uniċi affarijiet li għamel wara l-qtil politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, huma li ddikjara li ħadd – lanqas hu – mhu se jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dak li ġara, kif ukoll li se jħalli l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fil-kriżi kbira li jinsabu fihom.

L-Oppożizzjoni tinsisti li quddiem dan il-qtil politiku għandhom jerfgħu r-responsabbiltà politika

  • l-Prim Ministru, li mexxa partit fil-Gvern li wassal għal kriżi fl-istituzzjonijiet
  • l-Avukat Ġenerali, li ħarab mir-responsabbiltà meta kellu jaġixxi, u
  • l-Kummissarju tal-Pulizija, li renda l-Korp tal-Pulizija f’farsa u ma nvestigax meta kellu jinvestiga.

Kif diġà qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilbieraħ filgħaxija u anke fil-jiem ta’ qabel, il-Pulizija għandhom ikunu dejjem fil-libertà li jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom mingħajr ebda pressjoni jew indħil politiku. Dak hu prinċipju bażiku għall-ġustizzja f’pajjiżna.