Internazzjonali

Ittortura u qatel tifel fl-Istati Uniti għaliex ħasbu omosesswali

Raġel li hu akkużat li ttortura iben it-tfajla tiegħu sakemm qatlu, qal li għamel hekk għaliex ħaseb li t-tifel, li kien għad għandu tmien snin, ‘kellu tendenzi omosesswali’.
Dan sar magħruf fl-istqarrija inizjali tal-Prosekutur Ewlieni ta’ Los Angeles, bl-avukati li qed jirrappreżentaw lill-imputat, Isauro Aguirre, jgħidu li l-klijent tagħhom ammetta li ‘ikkaġuna sfreġju’ għall-vittma, Gabriel Fernandez. Intant, Aguirre insista li dan seħħ minħabba li ‘hu (il-qattiel) kien mitluf f’dagħdigħa ta’ rabja wara li t-tifel beda jgħid lill-ommu biex ittemm ir-relazzjoni tagħha ma’ Aguirre’.
L-imputat qed ikun akkużat b’reat ta’ omiċidju b’ċirkustanzi speċjali relatati mat-tortura. L-omm tal-vittma, Pearl Fernandez, ukoll tinsab għaddejja minn proċess tal-qorti għar-rwol tagħha fil-każ makabru.
Fl-ewwel dettalji li ħarġu jidher li ‘ir-raġel u l-mara taħt akkuża sawwtu lil Gabriel waqt li ħarquh bis-sigaretti u ħallewh bil-ġuħ’. Il-katavru tat-tifel instab f’Mejju tal-2013 wara li l-koppja kkuntattjat lill-awtoritajiet għall-emerġenza – b’dan il-kuntatt ‘ma jsirx f’tentattiv għall-għajnuna iżda bl-iskop li l-koppja tgħatti d-delitt ’, sostna l-Prosekutur.