Internazzjonali

Jacinda Ardern se tmexxi Gvern ta’ koalizzjoni fi New Zealand

 

Il-Kap tal-Partit Laburista, Jacinda Ardern, se tmexxi Gvern ta’ koalizzjoni, f’Wellington, bħala l-Prim Ministru ġdid ta’ New Zealand. Ardern kienet ilha Kap tal-Oppożizzjoni għal dawn l-aħħar tliet xhur u, fl-età ta’ 37 sena, hi għandha tkun l-iżgħar Prim Ministru ta’ pajjiżha mill-1856 ‘il hawn.

Il-Partit Laburista tagħha kien spiċċa t-tieni fl-elezzjoni ta’ Settembru fejn l-ebda partit ma rnexxielu jikseb maġġoranza.

Intant, il-gvern ta’ koalizzjoni sar possibbli wara li l-partit żgħir, bl-isem New Zealand First, qabel biex jissieħeb mal-Laburisti fl-amministrazzjoni ġdida. Il-Kap ta’ New Zealand First, Winston Peters, ikkonferma l-alleanza tiegħu mal-partit ta’ Ardern wara jiem ta’ negaozjati u meta l-partit tiegħu ( li tella’ disa’ deputati) għandu l-bilanċ tal-poter f’idejh.

Il-koalizzjoni ġdida f’Wellington se jkollha wkoll l-appoġġ tal-Partit tal-Ħodor, meta Jacinda Ardern trid tiffaċċja sensiela ta’ sfidi u sitwazzjonijiet sensittivi bħala Prim Ministru.

L-aktar impenn diffiċli se jkun biex hi tikkonvinċi lill-maġġoranza tal-poplu li ma vvutax għaliha li ‘il-partit li spiċċa t-tieni fl-elezzjoni ħaqqu l-poter fuq livell nazzjonali’.

Hu minnu wkoll li l-koalizzjoni ġdida trid timpenja ruħha biex tirranġa d-differenzi mal-Gvern tal-Awstralja. Dan meta l-Gvern Awstraljan akkuża lill-Partit Laburista ta’ New Zealand talli kien ‘parti minn kumplott kontra tiegħu’ fi kriżi attwali dwar iċ-ċittadinanza doppja.