Constança Urbano de Sousa, il-Ministru tal-Intern tal-Portugall, irriżenjat mill-kariga minħabba l-vittmi li kien hemm fin-nirien fil-kampanja Portugiża.
Fl-ittra tar-riżenja, de Sousa qalet li ħadet dan il-pass biex issalva d-dinjità personali tagħha.
Fl-aħħar nirien li kien hemm, mal-41 persuna tilfu ħajjithom u mijiet oħra ndarbu – it-tieni traġedja minħabba n-nirien din is-sena. Kien hemm ukoll erbgħa li mietu fit-Tramuntana ta’ Spanja. F’Ġunju kien hemm aktar minn 60 persuna li mietu f’dawn in-nirien.
Il-President Marcelo Rebelo de Sousa qal li l-Gvern irid ikollu mandat b’saħħtu biex jassigura riformi fil-proċess tal-ġlieda kontra n-nirien u t-tmexxija tal-foresti biex ikunu evitati traġedji simili fil-ġejjieni.
Il-kariga hi l-aktar waħda ċerimonjali, imma l-President għandu l-poter li jxolji l-Parlament.
Il-Partit tal-Poplu, li jinsab fl-Oppożizzjoni, diġà ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern minħabba l-mod kif mexa quddiem dawn it-traġedji.
Taħt il-ministeru tal-Intern hemm il-Pulizija tat-Tifi tan-Nar u l-Protezzjoni Ċivili li kienu l-mira ta’ ħafna kritika għall-mod kif imxew quddiem dawn in-nirien. //= $special ?>





