Akkużi mill-iktar serji fil-konfront ta’ pajjiżna u kumpaniji Maltin hekk kif il-Kap Prokuratur ta’ Katanja akkuża lill-Maltin li ħarġu ċertifikati foloz biex jgħattu minn fejn ġie jew jiffaċilitaw it-traffikar taż-żejt bejn il-Libja u l-Italja.
Il-kummenti tal-Prokuratur ta’ Katanja Carmelo Zuccaro jaslu wara li ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew li fost l-oħrajn jinkludi lil Gordon u Darren Debono li huma suspettati li organizzaw it-trasport bil-baħar għal skopijiet illeċiti.
Il-mandat ħareġ wara li f’Awwissu li għadda kien arrestat dak meqjus bħala r-re tat-traffikar, il-Libjan Fahmi Salim Musa Bin Khalifa u l-boss tal-mafja Nicola Orazio Romeo. Instab li ż-żejt kien qed jinsteraq mil-Libja minn milizzji affiljati mill-ISIS bl-iskop li jinbiegħ fl-Italja u fl-Ewropa.
S’issa saru sitt arresti, bl-ewwel investigazzjonijiet juri li l-kumpaniji Maltin kienu qed jipproduċu ċertifikati foloz biex jinħeba l-oriġini taż-żejt traffikat b’mod illegali u bil-kutrabandu.
L-investigazzjonijiet s’issa wrew li saru mill-inqas 30 vjaġġ ta’ trasport ta’ żejt illegali għal total ta’ 80 miljun kilogramma ta’ żejt għal valur ta’ madwar €30 miljun.
Darren Debono kien sħab f’kumpanija mal-istess Bin Khalifa, iżda meta ħarġu r-rapporti tal-arrest, l-avukati tal-familja Debono kienu ħarġu stqarrija fejn qalu li r-relazzjonijiet ta’ kummerċ ta’ bejniethom kienu waqfu u l-kumpanja tagħhom ADJ Trading Limited ingħalqet.
//= $special ?>

