Id-Deputat Carmelo Mifsud Bonnici qal li llum, wara l-omiċidju barbaru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandu sfida kbira quddiemu – dik li jerġa’ jibni r-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala pajjiż li jħares id-demokrazija u fejn tirrenja s-saltna tad-dritt.
Carmelo Mifsud Bonnici qal li pajjiżna tilef battalja importanti – dik li jagħti protezzjoni lil persuna importanti li l-qtil tagħha jinħtieġ tweġiba mhux biss legali imma anke tweġiba politika.
“F’liema pajjiż tal-UE kien hemm ġurnalista li tinqatel b’mod daqshekk barbaru?” Għal dan il-Gvern se jkollu ħafna xi jwieġeb fuq livell Ewropew u internazzjonali, saħaq Carmelo Mifsud Bonnici.
Id-demokrazija hija s-sinsla tas-soċjetà tagħna – mingħajrha ma jkunx hemm it-tkabbir soċjo-ekonomiku li għandna bħalissa.
Carmelo Mifsud Bonnici qal li meta hu kien Ministru, Daphne Caruana Galizia dejjem kellha l-protezzjoni – anke jekk mhux neċessarjament dejjem permezz ta’ fixed point. Qal li wieħed ma jistax jinħeba li l-ġurnalista ma riditx sigurtà għax l-Istat kellu obbligu li jipproteġiha.
“Il-kriminalità organizzata irnexxielha twettaq delitt tant gravi u wasslitna fis-sitwazzjoni fejn qegħdin illum – fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jiddiskutu dan l-omiċidju politiku u ta’ dan il-pajjiż jinħtieġ li jkollu tweġiba” temm jgħid Carmelo Mifsud Bonnici.
//= $special ?>


