Lokali

Sentenza sospiża għal żagħżugħ li hedded lil Marlene Farrugia fuq Facebook

Żagħżugħ ta’ 17-il sena ngħata sentenza sospiża wara li deher quddiem il-Qorti akkużat b’theddid fuq il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia fuq il-media soċjali.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti widdbet liż-żagħżugħ sabiex jieqaf u jaħseb qabel jitkellem u jieħu azzjonijiet. F’isem Marlene Farrugia deher l-avukat Joe Giglio fejn qal li d-deputat ilha għal snin twal tirċievi diversi theddid.

Minn naħa l-oħra, f’isem iż-żagħżugħ deher l-avukat Franco Debono – fejn stqarr li l-Qorti għandha tagħti piena li tkun xierqa, hekk kif iż-żagħżugħ għadu student u saħansitra skuża ruħu ma’ Marlene Farrugia.

Fis-sentenza tal-Maġistrat Doreen Clarke, iż-żagħżugħ ingħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin u widdbet liż-żagħżugħ biex iżomm il-bogħod minn Marlene Farrugia.

 

Aktar kmieni:

Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Marlene Farrugia qalet li hi mhux se tibża minn min qatilha. Ftit wara li ttella’ artiklu jikwota lill-istess deputat, iż-żagħżugħ fuq Facebook direttament ipponta subajh lejn Marlene Farrugia, u bi kliem dispreġġjattiv qal li jista’ jkun li jmiss lilha li jkollha l-istess destin ta’ Daphne Caruana Galizia.

Iżda d-deputat Marlene Farrugia għal darb’oħra kitbet fuq Facebook bħala risposta, li hi ilha tirċievi kummenti simili għal dawn l-aħħar 4 snin u mhux se tibża minn “kodardi bla sinsla” u żieded li dak il-kliem ikompli jikkonvinċiha biex titkellem aktar.

Is-sieħeb tagħha Godfrey Farrugia wkoll kiteb fuq il-midja soċjali fejn stqarr li meta mar għand il-Pulizija l-ewwel darba ma tawx każ – madanakollu qal li se jerġa’ jmur biex jagħmel ir-rapport.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li r-raġel se jitressaq quddiem il-Qorti fil-11.30 tal-lum.