Lokali

Simon Busuttil jitlob lill-Qorti Kostituzzjonali biex l-Imħallef Mizzi ma jiddeċidix l-appell dwar l-iskandlu tal-Panama

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, d-deputat Simon Busuttil talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex tordna lill-Imħallef Antonio Mizzi sabiex ma jiddeċidix l-appell dwar l-iskandlu ta’ Panama.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li ressaq ir-rikors Simon Busuttil qal li ma kellux ghalfejn jasal s’hawn. L-imħallef messu astjena minn jheddu għaliex hija ovvja li għandu jastjeni daqs kemm hija ovvja li l-Maġistrat Consueolo Scerri Herrera kellha tastjeni mill-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan qed isir sabiex il-ġustizzja f’pajjiżna fuq l-iskandlu ta’ Panama Papers tagħmel biss l-ewwel pass tagħha. Iżda, Simon Busuttil tenna li qed isib reżistenza qawwija mill-Prim Ministru u l-imsieħba tiegħu għal ħaġa daqstant bażika bħall-ġustizzja.

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qed jerġa jsfida lill-Prim Ministru u lill-imsieħba tiegħu Keith Scembri u Konrad Mizzi sabiex, jekk tassew m’għandhomx x’jaħbu, jirtiraw l-appell tagħhom minnufih sabiex l-iskandlu tal-Panama Papers ikun jista jibda jiġi investigat.

Jekk il-Prim Ministru ma jagħmilx dan allura jiena se nibqa’ impenjat sabiex u sakemm f’pajjiżna tirrenja l-ġustizzja u s-saltna tad-dritt u wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia dan se nkompli nagħmlu b’aktar determinazzjoni aktar qawwija minn qatt qabel, temm jgħid Simon Busuttil.

Dan ir-rikors tressaq mill-avukat Jason Azzopardi.