Il-Gvern ta’ Spanja qed iħejji biex, mis-Sibt, jibda jissospendi l-awtonomija ta’ Katalonja. Dan meta l-Mexxej ta’ dan ir-reġjun, Carles Puigdemont, qed jhedded li jiddikjara l-indipendenza mill-kumplament tal-pajjiż.
Kelliema għall-Gvern Spanjol qalu li l-Ministri għandhom jiltaqgħu biex jattivaw Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni, b’dan jippermetti biex l-amministrazzjoni f’Madrid tassumi f’idejha t-tmexxija ta’ Katalonja.
Fl-istess ħin, il-Gvern ta’ Spanja akkuża lill-awtoritajiet Katalani b’li qegħdin ifittxu ‘sitwazzjoni ta’ konfront’ ma’ Madrid.
Min-naħa tiegħu Carles Puigdemont wissa li l-Parlament ta’ Katalonja għandu jivvota għall-indipendenza ‘f’każ li Spanja tkompli bir-ripressjoni’.
Dan wara li l-maġġoranza assoluta tal-Katalani li, fil-bidu tax-xahar, ħarġu jivvutaw fir-referendum dwar l-indipendenza tar-reġjun tagħhom qalu ‘iva’ għas-separazzjoni minn Spanja – bil-Gvern f’Madrid jiddikjara ċar u tond li r-referendum kien ‘illegali’.
Intant, l-aħħar żviluppi preokkupanti jistgħu jixprunaw aktar inkwiet wara l-vjolenza li karatterizzat ir-referendum f’Katalunja u wara d-dimostrazzjonijiet pubbliċi fir-reġjun li saru qabel u wara l-ballottaġġ kontroversjali tal-Ewwel ta’ Ottubru.
L-Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni (Spanjola) tal-1978 – li jikkonkretizza t-tmexxija demokratika fi Spanja wara l-mewt tad-dittatur faxxista Francisco Franco, li kien seħħ tliet snin qabel – jippermetti biex Madrid jimponi sistema ta’ amministrazzjoni diretta f’każ ta’ kriżi ‘nazzjonali’.
Madankollu dan il-pass drastiku, qabel illum, qatt ma kien implimentat fi prattika f’dan il-pajjiż.
L-osservaturi qed jgħidu li l-Gvern ta’ Madrid irid jieħu dan il-pass biex jaċċerta l-amministrazzjoni tal-liġi f’Katalonja u biex jipproteġi l-Kostituzzjoni ta’ Spanja. Il-Gvern Spanjol, fl-istess ħin, qed jidher determinat biex ‘juża d-dixxiplina ma’ Gvern (Katalan) li ngħata l-poteri attwali mill-amministrazzjoni ċentrali u li qed jidher dispost biex iqajjem l-inkwiet’.
Fl-istess ħin, iżda, il-Gvern ċentrali f’Madrid irid jimminimizza s-sogru ta’ aktar dimostrazzjonijiet ta’ protesta fuq skala kbira.
Il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, jinsab fi Brussell biex jattendi s-summit tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern tiegħu, is-Sibt, mistenni jfassal lista ta’ miżuri speċifiċi, taħt Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni, li jitrasferixxu ‘mill-ġdid’ il-poteri ta’ Katalonja lil Madrid. Jaħsbu li l-miżuri implimentati jistgħu jvarjaw mill-kontroll tal-Pulizija u l-finanzi reġjonali ( ta’ Katalonja) sa inizjattiva lejn elezzjoni nazzjonali bikrija.
//= $special ?>


