Lokali Parlament

Stupru tad-demokrazija…kulħadd naqas lil Daphne

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu stupru tad-demokrazija u nsistiet li fir-realatà kulħadd naqas lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’diskors fil-parlament Claudette Buttigieg spjegat kif eluf ta’ Maltin kellhom leħen f’Daphne Caruana Galizia; liema vuċi tilfuha. Dawn m’humiex jaraw din il-vuċi fil-politiċi. Daphne kellha l-kurraġġ li tgħid affarijiet li ħafna nies li ma kellhomx il-kuraġġ li jgħidu.

Claudette Buttigieg qalet li sal-lum fil-parlament semgħet kummenti dispreġjattivi fil-konfront tal-fatt li l-Oppożizzjoni qed titkellem b’dan il-mod. In-nies hekk qed tistenna; li l-Oppożizzjoni titkellem bla biża’. Dawn il-kummenti juru sinjal ċar minn min jgħaddi dawn il-kummenti. Il-pajjiż issa inbidel radikalment.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li kulħadd għandu ħtija għall-mewt ta’ Daphne għaliex kulħadd ħalliha waħidha, inkluż il-PN. Kulħadd żbalja għaliex kulħadd ħaseb li qed jgħix f’pajjiż politikament matur fejn il-libertà tal-espressjoni hi suprema u hu pajjiż sigur fejn tirrenja l-liġi għal kulħadd. Kulaħdd kien żbaljat. Aħna ma ngħixux f’pajjiż normali.

Claudette Buttigieg tkellmet dwar l-impenn li Daphne kellha favur il-kawża tan-nisa u l-mod kif hi kienet tiġi attakkata anki dwar dan. Fil-pajjiż l-istituzzjonijiet huma mherriha u m’għandhomx il-fibra morali. Daphne ma ħassitihiex komda li jkollha l-protezzjoni tal-pulizija. Ma nistgħux niġu fil-parlament u nilbsu l-maskri tal-puri u tal-innoċenti. Ninkludi lili nnifsi; ħallejna mara waħidha. Avżatna fuq li avżatna li hi kienet fil-periklu.

Isem Daphne se jitniżżel mal-lista tal-ġurnalisti nisa ta’ kurraġġ li jipperseveraw biex toħroġ li-verità, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li l-Kummissarju tal-Pulizija ma kellux jaħsibha dwar deċiżjoni fuq il-pulizija li espriema sodisfazzjon dwar il-qtil ta’ Daphne. Il-Kummissarju tal-Pulizija ilu ma jidher għal ġranet sħaħ u għadu ma tkellimx dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Irridu nkunu iktar onesti amgħna nnfusna; jien inqastha lil Daphne Caruana Galizia iżda naqasha pajjiżha, il-Gvern, l-istituzzjonijiet u issa l-aktar ħaġa komda hi li ma ngħidu xejn u nitkellmu fuq l-ekonomija u nħallu kollox għaddej. Niskuża ruħi mal-familja ta’ Daphne iżda mhu se nkun kompliċi u mhu se noqgħod siekta, sostniet Claudette Buttigieg.