minn Henry Calleja
L-Ingliżi għandhom proverbju li jgħid, “The proof of the pudding is in the eating”. Ma rridx nagħmilha tal-prużuntuż imma naħseb li għandi bizzejjed esperjenza biex inressaq dawn l-osservazzjonijiet hekk kif tħabbar l-isem tal-kowċ il-ġdid, il-Belġjan Tom Saintfiet, li se jieħu ħsieb it-tim nazzjonali Malti hekk kif spiċċat l-era pjuttost twila tat-Taljan Piero Ghedin.
Bħal ħafna li jifhmu sew fil-futbol u li segwew mill-viċin l-andament tat-tim Malti għal għexieren ta’ snin kien jinteressani min se jintgħażel biex jieħu din ir-risponsabbiltà.
Kien se jkun Malti jew konna se mmorru għal ieħor barrani?. Kellna ħafna kowċis f’dawn l-aħħar numru ta’ snin, kellna Maltin bħalna, kellna Ġermaniż u Taljan fost l-aħħar kowċis, imma għalkemm tejjibna ftit ħafna l-wirjiet tat-tim nazzjonali, ir-riżultati bagħqu kważi l-istess.
Rajna numru kbir ta’ partiti fejn l-isforzi tal-plejers tagħna kien l-aħjar li setgħu joffru, imma r-riżultati baqgħu kważi dejjem jiddiżappuntawna.
Bqajna niksbu xi punt ‘l hemm u ‘l hawn, inġibu ħafna raġunijiet jew aħjar skużi. Imma kważi dejjem niġu l-aħħar f’kull kompetizzjoni kemm tal-UEFA kif ukoll tal-FIFA. Progress ftit li xejn rajna.
Ħeġġiġna s-support Malti jitla’ bi ħġaru lejn ta’ Ta’ Qali biex ikun wara l-plejers tagħna imma ħafna drabi dawn l-istess partitarji jitilqu lejn id-dar b’togħma pjuttost morra għax rari, jekk qatt, jaraw lit-tim jikseb xi rebħa f’pajjiżna, ahseb u ara barra minn xtutna. Kultant niksbu xi riżultat li jkun tajjeb imma mhux f’xi kompetizzjoni imma f’xi partita ta’ ħbiberija li ftit jew xejn jkollha effett.
Inġibu ħafna raġunijiet għal dan kollu, popolazzjoni żgħira, ftit li xejn talent, elf raġuni jew skuża biex immewtu d-diżappunt. Sa mill-1957 dejjem l-istess, lagħbna tajjeb imma tlifna. Hawn irrid ngħid li kulhadd jagħmel l-almu tiegħu biex dan id-diżappunt naqilbuh għal ċertu sodisfazzjon.
Kemm l-amministrazzjoni, il-plejers u kull min hu konċernat jara kif jagħmel biex niksbu xi rebħa.
Imma jidher li l-isforzi ta’ kulhadd jisfaxxaw fil-xejn. F’dawn l-aħħar snin smajna lil Ghedin juri id-diżappunt tiegħu imma jwiegħed li darba oħra jittama li mmorru aħjar.
Smajna ħafna drabi kowċis oħra li jiġu Malta jgħidu li jridu jbiddlu l-mentalità sportiva, imma jispiċċaw fl-aħħar jitilqu minn Malta mingħajr ma jkunu wettqu din il-mentalità.
Issa tfaċċa dan Tom Saintfiet, kowċ li qalulna li għandu esperjenza vasta u li l l-MFA fdatlu din ir-risponsabbiltà. Jiena dejjem għidt li lanqas jekk jiġu l-aqwa kowċis fid-dinja, bħal Mourinho, Guardiola, Conte u semmu lil min tridu, ir-riżultati ftit li xejn se jinbidlu, aħseb u ara b’kowċ ta’ bla isem u li kull fejn kien ftit rabba sadid u wara ftit xhur u anki wara ftit ġimgħat biddel ir-rotta u qabad oħra.
Rajt is-CV tiegħu u rajt li qatt ma mexxa xi tim ta’ ċertu isem. Meta ħa ħsieb timijiet nazzjonali dawn kienu ta’ pajjiżi ferm inferjuri fix-xena internazzjonali.
Kif għallura nippretendu li se joħloq xi miraklu bit-tim nazzjonali Malti? Dan kollu ħasbet fih l-MFA? Possibbli ma setgħetx issib kowċ ta’ ċertu kalibru li jista’ jwassal lit-tim fejn ħaddiehor tant ħadem imma ma wasalx?
Madwarna għandna ftit ezempji mhux ħażin ta’ nazzjonijiet li kienu warajna fil-FIFA Ranking u bi pjan serju waslu biex kisbu riżultati tajba li ssodisfaw lil pajjiżhom stess u li anki ikkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet li qabel lanqas biss kienu joħolmu li jieħdu sehem fihom.
Jekk insemmu pajjiż wieħed li għandu popolazzjoni inqas minna, jiġifieri l-Iżlanda, nieħdu l-aħjar eżempju. Rajna lill-Andorra, lil Lussemburgu, il-Gżejjer Faroe jimpressjonaw b’riżultati u gowls li ssorprendew lid-dinja sportiva. U ahna? ….punt wieħed biss u ħafna diżappunti.
Irridu ngħidu li ħafna jiddependi mill-plejers, id-dixxiplina, is-serjetà u l-impenn fit-taħriġ u speċjalment fil-logħba. Il-kampjonat Malti ftit jgħin.
Hemm ħafna timijiet imma livell hu baxx ħafna.
Hemm ħafna barranin li ma tantx qed ikunu ta’ għajnuna biex il-futbol Malti jiżviluppa. Għallura bil-kowċ il-gdid b’kollox jidher li kollox se jibqa’ l-istess. J’Alla le u j’Alla nibdew naraw progress u j’Alla l-kowċ il-ġdid iġib ir-riżultati li nixtiequ.
Nittama li minn ġot-tagen ma nispiċċawx fin-nar!.
//= $special ?>