Banif Bank (Malta) illum nieda l-identità tal-brand il-ġdida bħala BNF Bank, bħala pass li jirrifletti l-viżjoni tiegħu ta’ tkabbir kemm f’Malta u kemm barra.
Waqt konferenza stampa, is-CEO u Direttur Maniġerjali Michael Collis qal li l-isem il-ġdid evolva direttament mill-fatt li l-Bank huwa kburi bl-istorja tiegħu. Il-brand il-ġdida għandha karatteristiċi ġodda li jirriflettu l-aspirazzjonijiet u l-viżjoni tal-Bank.
“Għalkemm l-isem u l-logo nbidlu, il-klijenti jibqgħu l-ewwel prijorità tagħna. Bdejna vjaġġ ġdid li nemmnu li se jipprovdi dejjem aktar benefiċċji għall-klijenti tagħna,” qal is-Sur Collis.
Banif Bank (Malta) kien akkwistat minn Al Faisal Holding is-sena l-oħra. Il-Bank ilu jopera f’Malta mill-2008 u jipprovdi firxa sħiħa ta’ servizzi bankarji kummerċjali lil klijenti privati u fin-negozju permezz ta’ network ta’ tnax-il fergħa u tliet ċentri għal servizzi bankarji korporattivi u tan-negozju.
Is-Sur Collis qal li BNF Bank għandu pjanijiet ambizzjużi għall-espansjoni tas-servizzi tiegħu biex jinkorporaw l-immaniġġjar tal-assi u l-investimenti u li bħalissa jinsab fil-proċess ta’ tħejjija tal-infrastruttura meħtieġa għal dan it-tkabbir.
“Fix-xhur li ġejjin se nkunu qed inniedu prodotti ġodda li se jkabbrulna s-sehem tagħna fis-suq. Konxji mill-fatt li hemm spostament ġenerazzjonali ta’ kif il-klijenti jużaw il-bank u ta’ kif jagħmlu n-negozju, irridu nkunu fuq quddiem nett f’dan.
“L-għan tagħna hu li naċċeleraw it-tkabbir b’attenzjoni ffukata fuq l-għarfien tal-ħtiġijiet ta’ kull klijent individwali, biex b’hekk nisfruttaw il-potenzjal tas-servizzi bankarji personali u nottimizzaw il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta biex nattiraw aktar negozju u nżidu l-għejun tad-dħul tagħna,” qal is-Sur Collis.
Minn perspettiva prattika, l-identità tal-brand il-ġdida mhux se taffettwa l-operat bankarju ta’ kuljum. Il-klijent ma humiex meħtieġa li jagħmlu l-ebda bidla jew aġġornament fl-aċċess għall-internet banking, u jistgħu jkomplu jużaw l-istess debit u credit cards u l-istess kotba taċ-ċekkijiet. Il-logo l-ġdid ikun jidher fuq dawk maħruġa ġodda wara li dawk f’idejn il-klijenti bħalissa jiskadu.
“Il-klijenti jużaw is-servizzi bankarji tagħna għaliex aħna qegħdin magħhom tul il-ħajja. Il-viżjoni tagħna hija dik li nibqgħu membru apprezzat tal-komunità billi ngħinu lill-klijenti tagħna jibnu futur ġdid.” qal is-Sur Collis.

Dwar BNF Bank plc
BNF Bank plc ilu jopera f’Malta bl-isem ta’ Banif Bank (Malta) plc mill-2008 u minn dak iż-żmien stabbilixxa ruħu bħala attur ewlieni fis-suq finanzjarju domestiku. Il-bank joffri servizzi bankarji personalizzati lill-klijenti privati u tan-negozju permezz ta’ network ta’ tnax-il fergħa mifruxa ma’ Malta u Għawdex u tliet ċentri għal Servizzi Bankarji għan-Negozju. F’Ottubru 2016, Banif Bank inxtara minn Al Faisal Holding Group, wieħed mill-akbar gruppi diversifikati privati fil-Qatar. Bħalissa l-Bank jimpjega aktar minn 200 impjegat, b’assi li jlaħħqu €523 miljun.
Dwar Al Faisal Holding
Al Faisal Holding Company kienet stabbilita fl-1964 u hija wieħed mill-akbar gruppi diversifikati privati fil-Qatar. Al Faisal hija propjetà tax-Xejk Faisal Bin Qassim Al Thani u topera permezz tas-sussidjarji u l-kumpaniji assoċjati f’diversi setturi li jinkludu dawk tal-proprjetà, kostruzzjoni, ospitalità, kummerċ, trasport, divertiment, edukazzjoni, servizzi u informatika. L-investimenti ta’ Al Faisal jinkludu ishma f’Aamal Company Q.S.C, waħda mill-akbar kumpaniji fil-Qatar, ukoll waħda mill-aktar diversifikati u bl-aqwa rati ta’ tkabbir, flimkien ma’ investimenti f’firxa ta’ setturi madwar l-Ewropa, fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA) u fl-Istati Uniti.
//= $special ?>

