LIJA A……………….0
BIRKIRKARA………2
Lija: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, P. Babic, M. Clinch (A. Galea 66’), D. Scerri, E. Beu (J. Martinelli 80’), L. Schembri, D. Leeflang (J. Varela 77’), A. Bello Osagie, R. Kooh Sohna
Birkirkara: D. Cassar, C. Attard, N. Vukanac, L. Maia, K. Zammit, M. Andelkovic, M. Guillaumier, R. Scicluna, J. Grech (R. Camenzuli 62’), C. da Silva (E. Herrera 81’), L. Montebello (F. Montero 73’)
Imwissija: D. Scerri 14’ (L)
Tkeċċa: L. Bonnici 78’ (L)
Skorjaw: L. Montebello 18’, E. Herrara 90’ (B)
Referee: Eman Grech
Assistenti Referees: Alan Camilleri, Ryan Aquilina
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Mislav Andelkovic (Birkirkara)
Wara żewġ telfiet, Birkirkara rritornaw għar-rebħ meta għelbu lit-tim tal-qiegħ Lija Athletic 2-0. Il-prestazzjoni tal-karkariżi kienet sodisfaċenti hekk kif ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor iżda ma għalqux il-logħba. Madankollu Paul Zammit se jkun kuntent bil-punti hekk kif jinsabu f’pożizzjoni ftit diffiċli fil-klassifika.
Lija kellhom partita tajba iżda wara li kellhom bidu kajman, naqsu li jieħdu numru ta’ okkażjonijiet li kellhom fl-ewwel taqsima, biex minkejja li pruvaw fit-tieni taqsima, sabu lil Birkirkara sodi. Il-kowċ ta’ Lija Joe Galea għamel bidla waħda mit-telfa kontra Valletta b’McAllister Clinch jibda flok Ousmane Sidibe.
Tliet bidliet għal Paul Zammit mit-telfa kontra Sliema. David Cassar beda fil-lasta flok Philip Schranz, Kurt Zammit beda flok Mulemo Landry fid-difiża filwaqt li Matthew Guillaumier ħa post Edward Herrera.
Qabel il-bidu tal-partita ġiet osservata minuta silenzju b’rispett ta’ Alfred Debattista, Leonard Zammit u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Birkirkara heddew l-ewwel il-lasta wara kwarta logħob meta minn kontrattakk, ix-xutt fil-baxx ta’ Carlos da Silva ġiet mdawwar f’korner minn Luke Bonnici. Lija wieġbu żewġ minuta wara b’opportunità tajba ta’ skor. Lee Joe Schembri għadda lejn Raphael Kooh Sohna li minflok ikkonkluda qassam lil Erjon Beu iżda tal-aħħar dam biex jixxuttja. Ta’ dan pattew qares għaliex fl-attakk sussegwenti fetħu l-iskor b’Luke MONTEBELLO jegħleb lil Luke Bonniċi fuq in-naħa leminija b’xutt djagonali għar-rokna.
L-Istripes komplew jagħfsu għat-tieni gowl u fit-22 minuta kellu jkun Bonnici li dawwar f’korner free-kick tajjeb ta’ Jake Grech. Minuta wara, Grech serva mil-lemin lejn Montebello, iżda d-daqqa ta’ ras tal-attakkant għaddiet ftit għoli.
Lija bdew ikunu perikolużi meta jattakkaw u fit-32 minuta, xutt ta’ Abubakar Bello-Osagie minn pożizzjoni ċentrali għadda ftit barra. Minuta wara, Luke Montebello seta’ għamel aħjar meta minn kross ta’ da Silva, xeħet barra bir-ras mill-viċin.
It-tim ta’ Joe Galea għalaq l-ewwel taqsima fuq l-attakk u kienu sfortunati li ma ġabux id-draw. L-ewwel kien Djamel Leeflang li fit-42 minuta laqat il-wieqfa b’rovexjata, biex żewġ minuti wara minn kross preċiż ta’ Beu, Kooh Sohna daħal tajjeb u antiċipa lil Cassar iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ċentimetri bogħod mil-lasta.
Birkirkara baqgħu jikkmandaw il-logħba fil-bidu tat-tieni taqsima u fil-51 minuta xutt b’saħħtu ta’ Luke Montebello ġie salvat tajjeb minn Bonnici. Għaddew sitt minuti u Luke Bonnici reġa’ kien impenjat meta dawwar f’korner free-kick mid-distanza ta’ Jake Grech.
Lija bdew iżidu fil-logħob tagħhom u fl-64 minuta minn azzjoni ta’ korner, id-daqqa ta’ ras ta’ Muscat kienet klirjata minn fuq il-linja. Dan il-mument pożittiv ta’ Lija dam ftit, hekk kif Birkirkara reġgħu bdew jikkontrollaw il-logħba u kwarta mit-tmiem xutt fil-baxx mill-bogħod ta’ Ryan Scicluna stampa mal-wieqfa.
Il-partita kompliet tkun diffiċli għal Lija meta żewġ minuti wara kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas għal fawl tal-gowlkiper Luke Bonnici fuq Carlos da Silva barra l-kaxxa. Birkirkara ikkontrollaw mingħajr problemi u għalqu l-logħba fid-90 minuta meta s-sostitut Montero krossja tajjeb tul il-lasta, bis-sostitut l-ieħor Edward HERRERA jispara fil-baxx wara Martinelli.
//= $special ?>