“Dan huwa delitt politiku għax kienet il-klima politika li wasslet għal dan.” Saħaq dan id-Deputat Godfrey Farrugia meta kienet qed jitkellem fil-Parlament fis-seduta tal-Ġimgħa filgħaxija. Huwa qal li dan id-delitt kien frott ta’ deċiżjonijiet li marrdu pajjiż u li wasslu biex ikunu mittiefsa l-prinċipji u l-valuri ta’ pajjiżna.
“B’dan il-qtil missejna mad-demokrazija ta’ pajjiżna” saħaq Godfrey Farrugia.
Huwa qal li llum għandna ġenerazzjoni li għamlet il-flus l-alla tagħha u l-gvern irid jibda jagħti l-eżempju permezz ta’ governanza tajba.
Godfrey Farrugia qal li għalkemm il-Prim Minsitru qal li se jkun qed iwarrab meta jasal il-waqt, din it-tebgħa sewda ta’ dan id-delitt se tibqa’ fuqu.
Godfrey Farrugia żvela li hu qatt ma qara l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia madankollu, wara l-mewt tagħha, huwa induna li din ma kinitx biss blogger Maltija iżda blogger ta’ fama internazzjonali.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu Godfrey Farrugia indirizza lill-Ministru Konrad Mizzi u qal li Konrad Mizzi huwa marbut ma’ kuntratti li joħolqu dubji għax ma sarux fl-interess pubbliku b’implikazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u tixħim. “Qatt għaddielek minn moħħok il-ħerba li ġabu fil-pajjiż id-deċiżjonijiet żbaljati li ħadt?” Godfrey farrugia staqsa lill-Ministru Konrad Mizzi.
Huwa staqsa lill-Ministru Konrad biex, wara li seħħ dan id-delitt makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jgħid x’se jkunu l-pjanijiet tiegħu biex jilqa’ għall-isfidi li ġab miegħu dan id-delitt f’pajjiżna.
//= $special ?>