Uffiċjali taljani arrestaw lill-Darren Debono, l-eks-plejer internazzjonali Malti ta’ 43 sena, f’Lampedusa bl-awtoritajiet Taljani jemmnu li huwa involut fit-traffikar tal-fjuwil bejn il-Libja u l-Italja.
L-awtoritajiet Taljani kienu ħarġu mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu u ta’ Malti ieħor, Gordon Debono, flimkien ma’ sitt persuni oħra nkluż Libjani u Taljani.
Jumejn ilu l-awtoritajiet fl-Italja ħarġu mandat t’arrest Ewropew fil-konfront ta’ dawn il-persuni, fosthom iż-żewġ Maltin.
Dan wara li fl-Italja ġew arrestati diversi Taljani akkużati bi traffikar illegali ta’ żejt bil-kutrabandu, bejn il-Libja u l-italja, bl-involviment ukoll ta’ pajjiżna.
Darren u Gordon huma suspettati li organizzaw it-trasport bil-baħar għal skopijiet illeċiti f’investigazzjoni li qed tħares ukoll lejn tipi oħra ta’ traffikar fosthom dak tal-umani.
Il-mandat ħareġ wara li f’Awwissu li għadda kien arrestat dak meqjus bħala r-re tat-traffikar, il-Libjan Fahmi Salim Musa Bin Khalifa u l-boss tal-mafja Nicola Orazio Romeo.
L-investigazzjonijiet s’issa wrew li saru mill-inqas 30 vjaġġ ta’ trasport ta’ żejt illegali għal total ta’ 80 miljun kilogramma ta’ żejt għal valur ta’ madwar €30 miljun.
//= $special ?>

