“Minn saltna tad-dritt, qed nesperjenzaw saltna tal-biżgħa u se niġu f’sitwazzjoni fejn l-omerta’ tirrenja”. Kliem Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, waqt laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-union.
Fid-dawl ta’ dan il-qtil makabru li laqatna fil-laħam il-ħaj, wieħed donnu qed jibda joqgħod pass lura milli jikkritika u jsemma’ leħnu. Josef Vella qal li, għall-kuntrarju, għandna l-obbligu li nieqfu u naħsbu li dak li qed jiġri fil-pajjiż, b’xi mod, qed iħalli impatt fuq livell individwali u fuq livell internazzjonali.
Qed iħalli effett ukoll fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fakkar li dan il-pajjiż iġġieled għall-independenza, għad-demokrazija u għal-liberta’. Il-problema hi li lkoll kemm aħna ħaddna l-liberta’ u d-demokrazija for granted. “Naħseb li demokratikament se nitilfu d-demokrazija u b’mod liberu se nitilfu l-liberta’”, sostna Josef Vella.
Hu jemmen li qed nagħmlu dan b’għażla tagħna stess għax dan in-nazzjon, b’xi mod, se jitlef l-identita’ tiegħu. “Filwaqt li qed inbiegħu l-identita’ tagħna lill-barranin għal miljuni ta’ ewro, fl-istess waqt qed nitilfu l-identita’ li tagħmilna Maltin”, kompla Josef Vella.
Din mhix sitwazzjoni ta’ partit politiku li b’xi mod ħa f’idejh ir-riedni tal-pajjiż jew għax kien hemm xi kolp ta’ stat, imma qed nitkellmu dwar demokrazija li min qed imexxi tela’ b’mod demokratiku. Il-UĦM Voice of the Workers kienet preżenti fil-protesti nazzjonali li kienu organizzati u kienet hemm biex semmgħet il-vuċi tagħha li l-pajjiż ma jimxix biss bil-flus imma bil-kwalita’ tal-ħajja. X’fiha li jkollok familja u timliha bil-flus meta mhix qed tgħix kwalita’ ta’ ħajja tajba? Is-sabiħ tal-ħajja hu li l-flus ikunu parti jew ingredjent wieħed.
Il-pajjiżi barranin qed jitkellmu dwarna u jekk tħares lejn dak biss u tieqaf hemm tgħid li aħna stess lanqas qed nirrealizzaw kemm is-sitwazzjoni hi gravi. “Biex irnexxielna nkunu fl-ewwel paġni ta’ ġurnali prominenti barranin, allura qed tiġri xi ħaġa ħażina,”saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers. Il-mistoqsija hi kif se nirreaġixxu għal din is-sitwazzjoni.
Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers se tkun qed tieħu sehem fid-dimostrazzjoni nazzjonali organizzata mis-Civil Society Network minn fejn Bieb il-Belt nhar il-Ħadd 22 ta’ Ottubru fl-4 p.m. Il-UĦM Voice of the Workers kienet niżlet tipprotesta meta ħasset li l-istituzzjonijiettal-pajjiż ma kinux qed iġibu ruħhom bħala tali. “Aħna nżilna meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma kienx qed jiffunzjona tajjeb f’pajjiż demokratiku; aħna nżilna, ikkritikajna u tlabna r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija għax konna qed inħossu li l-affarijiet ma kinux qed jimxu sew. Issa, iżjed u iżjed, inħoss li għandna l-obbligu li nkunu preżenti u nniżżlu n-nies magħna”, enfasizza Josef Vella.
Din mhix kwistjoni ta’ partit jew ieħor…mhix kwistjoni ta’ Nazzjonalisti u Laburisti. Dan hu, forsi, l-aħħar ċans bħala nazzjon biex almenu nuru li aħna m’aħniex qed inpoġġu t-timbru tagħna fuq dak li qed jiġri. Mhux aċċettabbli li min jitkellem dwar il-verita’ jiġi eliminat. “Jekk infallu milli nibgħatu messaġġ xieraq hemm barra, li aħna bħala poplu ma naċċettawx dawn is-sitwazzjonijiet, allura jista’ jkun se nkomplu nitgerbu fin-niżla li neżlin fiha”, saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Hu appella biex ilkoll kemm aħna nkunu preżenti għad-dimostrazzjoni nazzjonali tal-Ħadd. Wieħed irid jistaqsi lilu nnifsu: jien bħala individwu x’nista’ nagħmel? Se nibqa’ nara lill-ġar tiegħi jipprotesta u jien nibqa’ id-dar? Għandna l-obbligu li nagħmlu dan b’saħħa u bi preżenza kbira għax irridu nwasslu messaġġ lil hinn minn pajjiżna. Il-UĦM Voice of the Workers trid twassal messaġġ li mhux kollox jgħaddi. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers reġa’ irrefera għad-dimostrazzjoni nazzjonali li se tkun qed titlaqqa’ nhar il-Ħadd.
“Din is-sitwazzjoni titlob l-għajta ta’ poplu wieħed u ma tistax titħalla f’idejn il-politiċi; din issitwazzjoni hi bla preċedent u titlob li ċ-ċittadini ta’ rieda tajba f’dan il-pajjiż għandhom l-obbligu li juru li dan mhux aċċettabbli…jekk ma nagħtux kas allura nkunu demokratikament qed nitilfu d-demokrazija u b’mod liberu nitilfu l-liberta’,” temm Josef Vella.
//= $special ?>

