Lokali Qtil Politiku

FILMAT: Tinfetaħ it-triq – Ħarsa mill-qrib lejn il-post fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia

Minkejja li għaddew erbat ijiem, fil-post għadu jinħass sens ta' dieqa wara qtil li xxokkja pajjiż. In-nies bdew imorru jpoġġu l-fjuri fejn inqatlet

Għal min ma jafx x’ġara erbat ijiem ilu, fit-triq jinnota biss paċi u kwiet. Imma għal min jaf, Triq il-Bidnija llum m’hi xejn għajr xena ta’ delitt.

Nhar it-Tnejn li għadda fit-tlieta ta’ waranofsinhar, karozza-bomba regħdet l-inħawi tal-madwar, u ħasdet il-ħajja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ftit wara li ħarġet mid-dar tagħha.

Erbat ijiem wara l-assasinju, it-triq infetħet lura għat-traffiku, wara jiem ta’ investigazzjonijiet fuq il-post. Imma l-ħerba għadha evidenti sal-lum.

NET News mar fuq il-post, u mill-qrib ra l-post fejn seħħ il-qtil ta’ dik li kienet deskritta bħala waħda mill-aqwa ġurnalisti investigattivi f’pajjiżna.

Fit-triq, evidenti l-post fejn seħħet l-ewwel splużjoni, ftit metri bogħod mid-dar tal-familja Caruana Galizia. Fl-aħħar jiem, kien hemm diversi verżjonijiet ta’ x’seta’ sar, u jekk il-bomba kinitx mal-art jew inkella fil-karozza. Kien x’kien il-każ, l-isplużjoni kellha mpatt qawwi tant li roqgħa li kienet immedjatament taħt il-karozza malli seħħet l-ewwel splużjoni, kellha timetla’ b’tarmac ġdid.

Bi dritt din ir-roqgħa tarmac, għadha evidenti wkoll linja dritta ta’ sinjali mal-art, li jindikaw b’mod ċar li l-karozza ċċaqilqet f’direzzjoni waħda u dritta – sakemm spiċċat f’għalqa metri ‘l bogħod minn fejn seħħet l-ewwel splużjoni. Evidenti wkoll irqajja ta’ ħaxix maħruq, sinjal tal-ħerba li ħalliet il-karozza tul it-triq minħabba l-qawwa tal-isplużjoni.

Il-post fejn seħħet l-ewwel splużjoni. Ritratt: Martin Agius
Marki mal-art jindikaw kif iċċaqilqet il-karozza bejn l-ewwel splużjoni sakemm spiċċat f’għalqa. Ritratt: Martin Agius

Dan kollu huwa biss ftit passi bogħod mid-dar tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, li wara l-qtil tagħha, qed tkun mgħassa mill-Pulizija.

Il-karozza kienet ilha f’għalqa f’wieħed mill-ġnub ta’ Triq il-Bidnija għal dawn l-aħħar erbat ijiem, sakemm saru l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet Maltin u barranin. Hekk kif fl-aħħar siegħat il-karozza tneħħiet, fadal biss roqgħa ħamrija maħruqa. U fl-isfond lejn in-naħa tat-triq, tpoġġew xi fjuri minn individwi li marru fuq il-post tad-delitt biex isellmu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-karozza għaddiet minn fuq din ir-roqgħa ħaxix qabel spiċċat f’għalqa. Ritratt: Martin Agius
Ir-roqgħa ħamrija maħruqa fl-għalqa fejn spiċċat il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia. Ritratt: Martin Agius
Pulizija għassa mad-daħla li tagħti għad-dar tal-familja Caruana Galizia. Ritratt: Martin Agius

Ftit passi bogħod, xi ħadd dendel ktejjeb fuq zokk maħruq, simbolikament bil-kliem: “Kulħadd għandu dritt għal-libertà tal-espressjoni”.

Ktieb bil-kliem: “Kulħadd għandu dritt għal-libertà tal-espressjoni”, imdendel ftit passi bogħod minn fejn seħħet l-ewwel splużjoni. Ritratt: Martin Agius
Fuq il-post bdew imorru n-nies isellmu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. Ritratt: Martin Agius
Fjura, u fl-isfond ir-roqgħa ħamrija maħruqa fejn kien hemm il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia. Ritratt: Martin Agius